Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union

L-edukazzjoni Fit-tfulija bikrija

Li gvern jinvesti fl-edukazzjoni fit-tfulija bikrija jkun qed juri biċ-ċar li dan ikun qed jemmen fis-sostenibbiltà tas-settur edukattiv, u wisq iktar fit-tisħiħ soċjali. Skont il-psikologa, Glenda Wall, iż-żmien ta’ bejn żero u tmien snin, huwa perjodu kruċjali fit-tisħiħ tal-litteriżmu tat-tfal. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li l-gvern flimkien mal-policy makers, isaħħaħ l-istrutturi kollha tal-edukazzjoni fit-tfulija bikrija, li jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi. Dan kollu għandu jsir f’qafas strateġiku li jiggarantixxi l-aqwa edukazzjoni għal uliedna.

X’inhi is-Sitwazzjoni f’Malta?

  • L-edukazzjoni fit-tfulija bikrija hija maqsuma f’żewġ sezzjonijiet:
    • mhux obligatorja
    • obligatorja;
  • Dik mhux obbligatorja hija maqsuma fit-tnejn:
    • Child Care Centres – għal tfal ta’ bejn tliet xhur sa tliet snin
    • Il-klassijiet tal-kindergarten- għal tfal ta’ bejn tliet u ħames snin
  • Is-sezzjoni obbligatorja tilqa’ tfal ta’ bejn ħames u seba’ snin
  • F’Malta hemm ʼil fuq minn erbat elef tfal li jattendu xi child care centre u ʼl fuq minn disat elef li jattendu l-kindergarten. Għalhekk b’kollox hemm ʼil fuq minn 13-il elf studenti.

Xi punti pożittivi marbuta ma’ dan il-qasam.

  • L-iskema tac-child care b’xejn imnedija mill-gvern. Permess ta’ din l-iskema diversi tfal qed igawdu minn servizzi ta’ child care b’xejn. Nistgħu ngħidu li din l-iskema waslet għal investiment dirett u indirett fis-soċjetà Maltija, speċjalment fis-suq tax-xogħol.
  • Edukazzjoni tal-kindergarten li tiġi offruta b’xejn lil kulħadd.
  • Diversi korsijiet postsekondarji, f’diversi istituzzjonijiet akkademiċi li jsaħħu l-edukaturi.

Punti li hemm bżonn jissaħħu.

  • L-edukatturi tac-childcare centres u tal-kindergarten m’għandhomx l-opportunità li jingħataw il-Warrant permanenti.
  • Persuna li għandha baċċelerat fil-kura u l-edukazzjoni fit-tfulija bikrija m’għandhiex l-opportunità li tkompli l-Master li jiffoka biss fuq is-settur ta’ snin bikrin . Din il-limtazzjoni twassalhom sabiex jagħmlu ‘Master in Teaching and Learning’, li jiffoka iktar fuq is-settur primarju, u minħabba raġunijiet ta’ warrant u paga, jiddeċċiedu li jaħdmu fil-primarja.
  • Il-fatt li m’hemmx warrant permanenti u anki master speċifiku għas-snin bikrin li jwassal għad-disparità sostanzjali fil-paga. Din id-differenza toħloq emmigrazzjoni ta’ edukaturi gradwati mis-setturi taċ-childcare u tal-kindergarten għal dak primarja. Sfortunatament dan iwassal għal dak li ngħidulu Brain Drain.
  • L-iżvilupp tal-karriera ta’ dawn il-professjonisti huwa limitat ħafna.

X’jista’ jsir?

  • Emendi fil-liġi li jkopru warrant għal dawn l-edukaturi u li tiftħilhom l-opportunatijiet sabiex jipprogressaw professjonalment u li jsaħħilhom il-kundizzjonijiet tax-xogħolhom.
  • Ħolqien ta’ Masters speċifiku għal dawn l-edukaturi li permess tiegħu dawn ikunu jistgħu jimxu iktar ʼil quddiem fil-karriera tagħhom filwaqt li jibqghu fis-settur taċ-childcare jew tal-KG.
  • Pjan ta’ ritenzjoni tal-edukaturi fis-settur.
  • Strateġija ta’ konsultazzjoni mal-edukaturi li twassal għal pjan li jkompli jsaħħaħ l-istrutturi attwali.

Xi ftit jew wisq din hija l-istampa tal-edukazzjoni fit-tfulija bikrija f’Malta. Matul l-aħħar snin rajna riformi u skemi li jagħmlulek il-qalb. Nistgħu ngħidu li Malta investit ħafna fl-edukazzjoni, madankollu fadlilna x’naqdfu mhux ħażin. It-tfal tagħna ħaqqhom l-aħjar u dan biex niggarantuh irridu nibdew mill-etajiet bikrin. L-istudji juru biċ-ċar li l-etajiet bikrin huma kruċjali għall-iżvilupp tal-bniedem. Għalhekk b’konvinzjoni nemmen li l-gvern għandu jinvesti iktar fl-edukaturi li jaħdmu f’dan is-settur.

Gabriel Pullicino – Taqsima Ospitalità u Ikel