Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ħidma biex l-anzjani kollha jkollhom internet b’xejn

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea jindirizza attività organizzata mill-Għaqda Pensjonanti tal-GWU

Il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex jagħti s-servizz ta’ internet b’xejn lill-anzjani kollha. Żvela dan is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea meta lbieraħ kien qed jindirizza attività edukattiva organizzata mill-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers’ Union fil-Workers’ Memorial Building.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea qal li l-anzjani fadlilhom ħafna aktar x’jagħtu lis-soċjetà u anke jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-ġenerazzjoni żagħżugħa. Huwa żied jgħid: “Tiddejqu xejn tiktbu u ssemmgħu leħinkom. Anke tiktbu fuq il-midja soċjali. Għandkom fond importanti immens li ma nixtieqx li jintilef.”

Semma wkoll l-investiment li qed isir f’San Vinċenz de Paul fosthom bi swali ġodda u moderni li huma adattati għaż-żminijiet tal-lum. Dan apparti l-ħidma fid-djar tal-anzjani u ż-żieda fis-servizzi offruti fil-komunità.

Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza tas-settur volontarju li fi kliemu stess huwa importanti mhux biss għaliex jagħti aktar skop lill-persuna nfisha iżda wkoll għaliex jgħin mill-aspett ta’ saħħa mentali.

Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari Agius Galea wieġeb ukoll għal mistoqsijiet u kjarifiki li sarulu mill-anzjani preżenti. Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll is-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti Anna Vella u l-President tal-Għaqda Lino Debono.