Latest News

Min aħna

ChiSiamoGWU

Wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, rikonoxxut mill-parti l-kbira tad-dinja, hu li persuna tista’ tissieħeb jew tifforma assoċjazzjoni. Dan id-dritt hu garantit u protett minn diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-ILO, il-Kunsill tal-Ewropa u anke l-Unjoni Ewropea.

 

Il-General Workers’ Union hija l-akbar Trade Union f’Malta, b’aktar minn 46,000 membru minn oqsma differenti tax-xogħol. Kien fil-5 ta’ Ottubru tal-1943 li nħolqot din l-Union fejn din il-ġurnata għadha tkun iċċelebrata bħala l-Union Day. Iżda minkejja dak kollu li għadda minnu pajjiżna u l-isfidi li l-GWU dejjem iffaċċjat, xorta baqgħet it-tarka ewlenija tal-ħaddiema u s-saħħa ewlenija fil-qasam trejdunjonistiku ta’ pajjiżna.

 

Illum il-ġurnata, fil-kuntest soċjoekonomiku li qegħdin ngħixu fih, fejn anke l-mod kif jiġu impjegati l-ħaddiema nbidel, il-General Workers’ Union xorta għadha rilevanti għax irnexxielha tagħraf kif taġġorna ruħha.

 

Bi struttura deċentralizzata u permezz ta’ taħlita ta’ nies li huma ġejjin minn setturi differenti, il-General Workers’ Union baqgħet dinamika u timxi bl-istess pass mal-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Filwaqt li dejjem tħares ʼil quddiem, il-Union xorta tibqa’ tħaddan il-prinċipji oriġinali li nbniet fuqhom li tkun dik li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema.