Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Jum il-Ħaddiem 2023

Messaġġ tal-President tal-GWU – Victor Carachi

Ta’ kull sena niċċelebraw l-Ewwel ta’ Mejju bħal bosta pajjiżi tad-dinja biex nagħtu lill-ħaddiem il-ġieħ li jistħoqqlu. Niċċelebraw dan il-jum ukoll biex infakkru l-ġlidiet li kellha tagħmel il-klassi tal-ħaddiema mal-milja tas-snin biex waslet fejn tinsab illum.

U nagħmlu hekk għaliex nirrikonoxxu li l-ġid kollu li jinħoloq fil-pajjiż isir bix-xogħol u l-ħila tal-ħaddiema fil-fabbriki, fl-industriji, fl-uffiċini u fuq is-siti kollha tax-xogħol. Għalhekk ukoll bir-raġun inqimu Jum il-Ħaddiem.
Fortunatament din is-sena, ninsabu aħjar mis-sentejn li għaddew issa li l-pandemija hija wara daharna, wara xhur ta’ taqtiegħ il-qalb u theddida kontinwa mhux biss fuq eluf ta’ impjiegi imma wkoll fuq l-ekonomija inġenerali.

Illum huwa fatt iżda li pajjiżna rkupra sew u l-ekonomija reġgħet bdiet tikber b’rata iktar milli kien imbassar anke f’mument ta’ kriżi maħluqa mill-gwerra fl-Ukrajna. Dan it-tkabbir ekonomiku saħansitra qed ikun konfermat minn diversi aġenzija awtorevoli ta’ kreditu li lkoll qed jagħrfu r-reżiljenza ekonomika msejsa fuq l-istabbilta politika u finanzjarja f’pajjiżna.

Iktar minn qatt qabel, illum jidher li l-ekonomija qiegħdha hemm għan-nies u allaħares ma kienx hekk. Għax l-ekonomija qed tikber b’rata mgħaġġla.
F’dawn l-aħħar snin pajjiżna mhux biss ikkonsolida l-benefiċċji soċjali imma żiedhom biex il-Maltin illum qed jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar.

Baġit wara l-ieħor li kienu mingħajr taxxi, żdiedu l-pensjonijiet, żdiedu l-istipendji biex l-istudenti jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom, inħolqu spazji ħodor ġodda favur l-ambjent f’diversi lokalitajiet, trasport bla ħlas għal kulħadd u tant u tant benefiċċji oħra. Dan kollu seta’ jsir għax bix-xogħol tal-ħaddiema u bit-tmexxija ekonomika u finanzjarja għaqlija tal-Gvern pajjiżna seta’ jkompli jtejjeb il-livell tal-għajxien tan-nies.

F’dan il-kuntest ma nistgħux ma nikkummentawx quddiem sitwazzjoni li minkejja l-isforzi kollha tal-gvern u l-għajnuniet li qed jagħti biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-qamħ u ċ-ċereali kif ukoll il-prezzijiet ta’ diversi prodotti u servizzi oħrajn li jinbiegħu fis-suq lokali biex jikkontrolla l-għoli tal-ħajja, xorta waħda l-prezzijiet qed jogħlew, xi kultant anke b’mod esaġerat u artifiċjali.

Għalhekk, irridu naraw jekk wasalx iż-żmien biex dawk l-impurtaturi tal-ikel u kumpaniji oħra li l-prodott jew servizz tagħhom huwa għas-suq lokali u li qed jagħmlu profitti qawwija ikunu ntaxxati iktar milli huma llum permezz ta’ dik li jgħidulha “Windall Tax”. Dan biex jitrażżnu l-abbużi li qed isiru, għax minn fuq li l-gvern qed jgħinhom qed japrofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni tal-gwerra u jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi tagħhom bil-konsegwenza li qed inaqqru mill-purchasing power tal-ħaddiem u jeddu l-kompettivita tal-pajjiż.

Mill-banda l-oħra, bħala GWU ngħidu b’wiċċna minn quddiem li aħna ma naqblu xejn ma’ min illum qed jinsisti u jmexxi ‘l quddiem argumenti li l-Gvern għandu jieqaf milli jkompli jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija. Ma naqblux ma’ argumenti bħal dawn għaliex tkun ironija grassa li l-Gvern, wara li ħadem tant biex raħħas il-kontjiet tal-dawl u l-ilma fl-2013 ikun hu stess li issa jerġa’ jgħollihom billi jħalli s-suq isuq.

L-argument li la l-prezzijiet jogħlew minn barra jogħlew f’pajjiżna wkoll ma jreġix sakemm l-ekonomija nazzjonali tibqa’ waħda reżiljenti kif inhi llum u tiflaħ għax-xokkijiet ekonomiċi li jiġu minn barra xtutna.

Għalhekk hija flokha l-politika tal-gvern li jintervjeni b’għajnuniet u sussidji biex iżomm stabbilta fil-prezzijiet tal-enerġija.
Għalhekk ukoll ikun qed jiżbalja u jpoġġi f’periklu ċar l-għajxien tal-familji u tan-negozji min imexxi ‘l quddiem ideat li l-piżijiet ma jibqgħux jintrefgħu mill-gvern u jintefgħu fuq il-familji u n-negozji. Jekk jiġri dan ikunu qed jitfarrku l-kisbiet kollha li b’tant sagrifiċċji ħadem għalihom il-ħaddiem matul is-snin.

F’dan il-jum, Jum il-Ħaddiem, irridu nġeddu t-twemmin tagħna li nkunu solidali l-ħin kollu ma’ dawk l-iktar vulnerabbli, ma’ dawk li jifilħu l-inqas, mal-pensjonanti, mal-iżvantaġġjati u fuq kollox ma’ kulmin jeħtieġ l-għajnuna tal-istat biex jibqa’ jkollu kwalita ta’ ħajja aħjar.

Nawgura Jum il-Ħaddiem mill-aqwa lill-ħaddiema koillha u l-familji tagħhom.