Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union, Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni

GWU Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni

X’għandek tkun taf dwar din it-taqsima?

Din is-sezzjoni hija waħda minn tmien Taqsimiet li jiffurmaw il-GWU. L-għan tagħha huwa li tirrappreżenta u tipproteġi lill-membri tagħha prinċipalment tas-settur privat tal-elettronika, teknologija u telefonija. Il-ħaddiema li jaqgħu taħt din it-taqsima jvarjaw minn ħaddiema tal-produzzjoni, ħaddiema tas-sengħa, tekniċi, enġiniera u professjonisti. F’din it-taqsima nsibu;

  • Kumpaniji fis-settur tal-karozzi
  • Kumpaniji tal-elettronika
  • Kumpaniji tal-komunikazzjoni
  • U dawk tal-istampar

Il-ħaddiema kollha jistgħu jidħlu membri mal-union. L-ebda t-tip ta’ xogħol ma jżommok lura milli jkollok Union tirrapprezentak u tipproteġik.

Fost il-ħafna kumpaniji li din it-taqsima taħdem magħhom għandha rikonoxximent ewlieni fl-ST Microelectronics, GO plc u De La Rue, Crane, Method, Gasan Enterprises, Gutenberg, u HID Global. Dan ifisser li s-Segretarju tat-taqsima dejjem ikun preżenti f’diskussjoni dwar deċiżjonijiet relatati mal-ħaddiema bħal kundizzjonijiet u pagi. Il-manaġiment ta’ kumpaniji bħal dawn ma jistgħu qatt jieħdu passi mingħajr ma tiġi kkonsultata l-Union.

Għaliex għandek tkun membru?

  • Biex ikollok union tirrappreżentak u dejjem taqbeż għad-drittijiet ugwali fuq il-post tax-xogħol
  • Tinnegozja d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol
  • Dejjem taħdem għal ġustizzja ekwa u ugwaljanza
  • Tibni relazzjoni mal-kumpaniji
  • Tagħmel rappreżentazzjoni dwar ilmenti individwali

Hemm sitwazzjonijet rari ħafna fejn l-Union ma tkunx tista’ tgħin però l-GWU dejjem tagħmel dak kollu possibbli biex il-ħaddiema membri jieħdu dak kollu li hu bid-dritt għalihom. Meta ħaddiema ma jkunux stmati sew fuq il-post tax-xogħol jista’ jirriżulta fi problemi ta’ saħħa mentali li anke jistgħu jwasslu għall-problemi finanzjarji u familjari. Aħna bħala Union naħdmu għad-drittijiet tal-membri tagħna mhux biss fuq il-post tax-xogħol però anke fil-ħajja ta’ kuljum. Dan nagħmluh għax naraw lill-membri tagħna b’mod ħolistiku, kemm fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fil-ħajja tagħhom barra x-xogħol.

Malli membri ta’ kumpanija jidħlu fil-Union jintgħażlu d-delegati u s-shop stewards li jirrappreżentaw lill-ħaddiema biex iwasslu kull komunikazzjoni bejn il-ħaddiema u s-Segretarju tat-taqsima. Dawn huma l-ambaxxaturi tal-GWU, dawn huma l-ewwel linja ta’ informazzjoni.

Meta l-Union tigwadanja r-rikonoxximent, is-Segretarju jibda jaħdem mal-ħaddiema u l-maniġment tal-kumpanija fuq il-Ftehim Kollettiv li jdum validu għal perjodu ta’ snin skont kif ikun miftiehem bejn il-partijiet kollha. Il-Ftehim Kollettiv jiġi approvat mill-membri b’vot meħud apposta. Ġaladarba l-ftehim jiġi approvat is-segretarju u r-rappreżentanti tal-ħaddiema flimkien mal-maniġment tal-kumpanija jiffirmaw il-ftehim.

Is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni

David Darmanin ilu s-Segretarju jirrappreżenta din it-taqsima mill-2015. Ilu attiv fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali u fi ħdan il-GWU għal dawn l-aħħar 36 sena bħala delegat u shop stuart. Il-passatempi ta’ David huma l-karozzi klassiċi, il-baħar, iħobb ħafna l-annimali u jaħdem ħafna biex itejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema.