Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU b’tilwima industrijali mal-PBS

Il-GWU Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi ddikjarat tilwima industrijali mal-PBS minħabba ksur u injorar tal-Ftehim Kollettiv li jkopri s-snin mill-2019 sal-2023 li ġie ffirmat bejn il-GWU u l-istess entità.

Diversi ħaddiema membri fil-PBS ikkuntatjaw lit-Taqsima meta saru jafu dwar ħruġ tal-pożizzjoni ġdida u l-grad marbut magħha. Minħabba li din l-istess pożizzjoni mhijiex inkluża fil-ftehim kollettiv u fl-istruttura tal-gradi u pagi eżistenti fil-PBS. Waqt il-laqgħa introduttorja li l-uffiċjali tat-Taqsima kellhom maċ-Chairman Eżekuttiv il-ġdid u l-bqija tal-maniġment tal-PBS, ġie aċċennat il-punt kruċjali li l-maniġment għandu jimxi fuq dak li hemm maqbul fil-ftehim kollettiv u kull żieda jew tibdil għandha tiġi diskussa u miftiehem mal-Union bħala sħab soċjali. Peress li l-irwol ġdid mhuwiex inkluż fil-ftehim kollettiv, il-GWU talbet lill-PBS biex jirtira l-applikazzjoni u tinħareġ waħda skont kif issuġġeriet il-Union. Din it-talba ġiet irrifjutata min-naħa tal-PBS.

Għaldaqstant il-GWU ma kienx fadlilha triq oħra ħlief li tiddikjara tilwima industrijali skont kif inhu stipulat fl-istess Ftehim Kollettiv. Dan il-ftehim huwa ċar ħafna fejn jidħlu pożizzjonijiet ġodda, pagi u gradi li l-PBS irid dejjem jikkonsulta mal-GWU qabel jittieħdu deċiżjonijiet f’dan ir-rigward.

Hu mifhum li wara li ġiet reġistrata din it-tilwima id-Dipartiment tax-Xogħol diġà beda jieħu inizzjattivi sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni.