Written by Aħbarijiet, Artikli, Għaqda Pensjonanti, Il-Union

Jum Iswed bħal-lum 22 sena

L-Għaqda Pensjonanti tfakkar il-Jum l-Iswed fejn id-Demokrazija kienet mhedda.

Dan ġara propju bħal-lum 20 ta’ Awissu 1999, meta forzi tas-sigurtà ġew ordnati mill-Gvern Nazzjonalista biex jużaw il-forza fuq il-ħaddiema u l-Uffiċjali tal-GWU.

L-Għaqda ssellem lil dawk kollha li dakinhar iffaċċjaw il-qilla tal-Forzi tas-Sigurtà kif ukoll iffaċċjaw akkuża ta’ seba’ snin u nofs ħabs għax iddefendew lill-ħaddiema, ħafna minn dawk li kienu involuti dakinhar illum huma Pensjonanti.

GWU – Għaqda Pensjonanti

Is-sena 2022 se tkun sena speċjali għall-Għaqda Pensjonanti u dan għax se tkun qed tiċċelebra l-35 sena mit-twaqqif tagħha. Sa mill-bidu tagħha l-Għaqda kienet minn ta’ quddiem nett biex tieħu diversi pożizzjonijiet li minnhom gawdew l-Anzjani.

Kien propju fl-1 ta’ Ġunju 1987 fejn saret l-ewwel Konferenza Ġenerali fejn ġie maħtur l-ewwel Kumitat. Minn dakinhar saru 15-il Konferenza Ġenerali u saru mhux anqas minn 350 laqgħa tal-Kumitat li l-ewwel waħda saret fl-4 ta’ Ġunju 1987. B’medja ta’ laqgħa darba kull xahar tul 34 sena.

Meta wieħed jidħol ftit fil-Minuti tal-laqgħat tal-kumitat kif għamel l-Assistent Segretarju tal-Għaqda Joe Sapiano wieħed isib li l-Għaqda kienet protagonista biex tikseb affarijiet importanti li minnhom qegħdin igawdu l-Anzjani llum. Mill-minuti joħroġ ċar li l-proposti li għamel il-Kumitat tal-Għaqda kienu jaħsbu fil-futur.

Illum mhux se nidħlu fil-proposti għax dawn żgur se jkunu qegħdin jiġu mfakkra fl-Anniversarju tal-Għaqda s-sena dieħla.

Wieħed mill-Kumitati li servew lill-Għaqda.

Waħda mil-laqgħat tal-kumitat li saret is-sena l-oħra

Tħabbret il-mewt ta’ Maurice Mifsud Bonnici

GWU – Għaqda Pensjonanti turi s-sogħba tagħha għall-mewt ta’ Maurice Mifsud Bonnici membru Onorarju tal-Kumitat tal-Għaqda. Mifsud Bonnici serva fl-ewwel kumitat tal-Għaqda u baqa’ jservi għall-diversi snin wara u kien l-ewwel Editur tal-Magażin L-Anzjani u li baqa’ jagħmel dak ix-xogħol għal 14-il sena.

L-Għaqda Pensjonanti tagħti l-kondoljanzi tagħha u turi solidarjetà mal-familja f’dan il-mument diffiċli.

Proposti talGħaqda għall-Baġit 2022

Bħalissa l-Għaqda qiegħda tħejji l-proposti għall-Baġit li ġej biex dawn il-proposti jagħmlu parti mill-Proposti Ġenerali tal-GWU. Fil-proposti tagħha l-Għaqda ser tkun qed tara liema għandhom ikunu l- prijoritajiet l-aktar li jolqtu lill-Anzjani.

Bħala Għaqda aħna ferm sodisfatti li bosta proposti li ressaqna matul iż-żmien ġew milqugħa minn amministrazzjonijiet differenti speċjalment meta jkun hemm amministrazzjoni Laburista.

Passatemp

Illum se nuru aktar mill-kollezzjoni ta’ passatempi minn wieħed mill-membri tal-Għaqda, iż-Żejtuni Joe Baldacchino.

Il-passatemp tiegħu huwa l-pittura. Hawn taħt tistgħu taraw il-preċiżjoni tiegħu;

Infakkru lil dawk il-membri li għandhom xi passatemp biex jibagħtulna ritratti tal-passatemp biex min-naħa tagħna noħorġuhom f’din il-paġna minn żmien għal żmien.

Membership (ewtlab.it)