Written by Aħbarijiet, Artikli, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Il-Union, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Edukazzjoni Ekwa

Wara ħafna snin ta’ stennija l-GWU organizzat konferenza li kull edukatur f’Malta u Għawdex kien ilu ħafna jistaqsi u jistenna għalija. F’Malta l-edukazzjoni ilha parti mis-soċjetà mis-seklu 16 però kemm kienet ekwa dak iż-żmien u kemm hi ekwa bħalissa?

Sabiex persuna tilħaq il-ħolma tagħha, tasal fejn tixtieq, twettaq u tilħaq il-mirja tagħha, trid tingħata opportunità ekwa. L-opportunità jista’ jkollha diversi forom, però waħda mill-ikbar forom li din tista’ tieħu hija l-edukazzjoni. Malta toffri l-edukazzjoni b’xejn lil kulħadd però dan ma jfissirx li l-familji kollha jistgħu jaċċessaw dan ir-riżors. Dan iwassal għal soċjetà b’valuri u identitajiet neqsin. Ekwa jfisser li kulħadd ikollu aċċess għall-edukazzjoni anke jekk ċertu individiwi jkollhom bżonn iżjed għajnuna minn ħaddieħor. Is-soċjetà għandha toffri dik l-għajnuna żejda biex kulħadd ikollu aċċess. Ir-raba’ għan tal-United Nations huwa li tassigura edukazzjoni inklussiva u ekwitabbli u tippromwovi opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.

Paulo Freire edukatur u filosofu Brażiljan f’waħda mill-kitbiet tiegħu jgħid li l-edukazzjoni hija libertà. Kull individwu għandu d-dritt għal libertà u huwa għalhekk li l-aċċess għall-edukazzjoni għandu jkun universali u ekwu għal kulħadd.

L-Onor Clyde Puli fetaħ id-diskussjoni u semma li meta nsemmu edukazzjoni ekwa nkunu qegħdin nitkellmu dwar il-ġustizzja soċjali. Wieħed irid jifhem li toffri l-opportunità għall-edukazzjoni mhux biżżejjed. Trid tkun opportunità ġusta. Matul is-snin sar ħafna progress bħal edukazzjoni b’xejn lil kulħadd, infetħet l-MCAST, tejjibna l-Università, introduċejna Skola Sports, integrajna l-aspett vokazzjonali fost ħafna avvanzi oħra. Però l-Onor Puli kkritika li bħalissa s-sistema qisha weħlet f’dan l-istadju u qed issibha diffiċli biex tagħmel il-passi li jmiss fejn jidħlu l-ġustizzja soċjali u biex titnaqqas id-diskriminazzjoni. Kif qiegħda s-sistema bħalissa mhux qed tlaħħaq mas-soċjetà ġusta li kulħadd isemmi. Is-sistema tal-edukazzjoni ta’ bħalissa mhux qed tilħaq lil dawk il-familji li qegħdin fil-klassi soċjali ekonomiċi baxxi. Bħalissa qegħdin inħallu parti mis-soċjetà tagħna warajna. Huwa l-obligu tagħna li nbidlu s-sistema tal-edukazzjoni preżenti biex ninkludu lil kulħadd b’mod ekwu. “Il-Pilastru huma l-għalliema, jekk aħna mhux ħa ninvestu aktar fl-għalliema, jekk mhux ħa naraw kif ħa nelevaw veru din il-professjoni, jekk mhux ħa naraw kif ħa nattiraw lill-aħjar nies u bl-aħjar għażla s-sistema ma tistax tirnexxi.”

Profs Carmel Borg jenfasizza ħafna fuq l-għerf tal-edukazzjoni ekwa li huwa l-għarfien li l-edukazzjoni hija d-dritt fundamentali ta’ kulħadd. Meta joħorġu studenti mis-sistema edukattiva neqsin mill-ħiliet bażiċi nistgħu ngħidu li kull min huwa parti mis-sistema edukattiva naqas lil dawn l-istess studenti. Ma nistgħux nisħqu fuq l-edukazzjoni ekwa mbagħad ma nagħtux attenzjoni personalizzata lil kull student. Borg iżid li ma sar l-ebda progress f’għaxar snin fin-numru ta’ tfal b’ħiliet baxxi fis-suġġetti kollha. “Tfal li ma jafux jekk hux ħa jieklu filgħaxija, jekk hux ħa jorqdu taħt saqaf diċenti ftit li xejn ser ikollhom moħħ l-edukazzjoni.”

Kelliem ieħor matul il-konferenza kien Mario Mallia li ffoka fuq l-edukazzjoni obbligatorja u l-ekwità soċjali. “L-għan aħħari tagħna kien il-ġustizzja soċjali, jiġifieri ma nkunux qegħdin naslu fejn nixtiequ hemmhekk anke taffettwana b’mod personali apparti anke d-diżappunt tas-sistema ġenerali.” In-nuqqasijiet fis-sistema edukattiva ilna nafu bihom ħafna però permezz tal-pandemija n-nuqqasijiet dehru b’mod iżjed b’saħħtu. L-edukazzjoni bla kuntatt hija diffiċli ħafna. Min mhuwiex involut fl-edukazzjoni b’mod attiv ma jistax jimmaġina l-impatt li ħalliet il-pandemija fuq l-edukazzjoni, l-istudenti u għada pitgħada s-soċjetà. Mallia rrefera għall-punt li semma Prof Carmel Borg fejn l-istatistika turi li l-istudenti bniet ġrew bis-subien fejn jidħlu marki f’kull suġġett però meta dawn l-individwi jibdew il-ħajja tax-xogħol jindunaw li d-deċiżjonijiet jittieħdu l-biċċa l-kbira mill-irġiel minħabba soċjetà maskilista.

Dr Anna Baldacchino ffukat fuq l-iżgħar ċittadini fis-soċjetà li għada pitgħada huma l-futur tal-gżejjer tagħna, tfal sa 3 snin.  F’dawn is-snin dawn it-tfal jibdew isiru parti mill-komunità. Ic-childcare centres infetħu biex jgħinu lill-ġenituri jew gwardjani tat-tfal biex ikunu jistgħu jmorru jaħdmu biex itejbu l-livell tal-ħajja tagħhom u ta’ familthom però għaliex min ma jaħdimx ma għandux aċċess għal dawn l-istess ċentri? Għaliex min ma jaħdimx ma nagħtuhx l-aċċess u ċ-ċans juza dawn iċ-ċentri biex ikompli jinvesti fih innifsu, ittejjeb l-edukazzjoni personali, li fl-aħħar mill-aħħar huwa investiment għall-pajjiż? Baldacchino tisħaqq fuq il-punt li rari ssib ħaddiema maskili fic-child care centres. Hawn Malta dan l-irwol huma meqjus għall-ġeneru femminili. Qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn hawn ħafna single parents. It-tfal għandhom bżonn figura ta’ mara u kif ukoll ta’ raġel. Li tfal imorru c-childcare centres u jsibu carers irġiel li jagħtuhom l-imħabba huwa important ħafna għat-trobbija tagħhom. Baldacchino tagħlaq l-intervent tagħha billi tgħid li l-Ministeri u l-Policy Makers ma jqisux it-tfulija bikrija bħala parti mill-bqija tal-edukazzjoni għax mhumiex stmati bħal bqija tal-għalliema, ma għandhomx l-istess drittijiet u kundizzjonijiet u mhumiex meqjusin bħala professjonisti.

Dr Charmaine Bonello żiedet mas-suġġett ta’ Baldacchino u saħqet fuq kemm hu important li l-edukatur tas-snin bikrin ikunu professjonisti u esperti fil-qasam tagħhom għaliex sa seba’ snin il-moħħ ikun fl-aħjar żvilupp tiegħu. Però sfortunament hawn Malta għandna l-mentalità li dawn l-għalliema huma babysitters. Hemm ħafna riċerki li juru li t-tfal jitgħallmu bil-logħob, jitgħallmu s-sens kritiku u ħieles li jwassluhom għall-ċittadini attivi fil-komunità matul dan il-perjodu ta’ tfulija. Hemm bżonn ningħaqdu flimkien u nibnu sistema kompetenti. Nagħtu vuċi lill-għalliema, ġenituri, studenti, amministrazzjonijiet ta’ skejjel u nħarsu ʼl quddiem flimkien. “Edukazzjoni bikrija ekwa u ta’ kwalità għolja hija d-dritt ta kull tifel u tifla.”

Profs James Calleja bħal bqija tal-kelliema kollha rringrazzja lil GWU tat iċ-ċans li tat lilu u lill-professjonisti oħra bħalu fil-qasam tal-edukazzjoni li jixtiequ li l-edukazzjoni f’Malta u Għawdex issir edukazzjoni ekwa mhux bil-kliem però bil-fatti. Calleja jgħid li llum l-ġurnata ma ssemmix biss edukazzjoni vokazzjonali però magħha tidħol ukoll dik professjonali. Minħabba l-iżviluppi fid-dinja tax-xogħol l-għerf tal-id sar important ħafna però l-għerf tal-moħħ jikkumplimentah. “L-edukazzjoni vokazzjonali mhijiex tingħata l-viżibilità u l-apprezzament li wieħed jistenna għall-iżviluppi l-kbar li saru f’dan il-qasam.” Aħna qegħdin f’kuntatt b’mod attiv mac-Chamber of SMEs u Employers’ Association biex nifhmu aħjar x’inhuma l-ħiliet li qegħdin ifittxu l-industriiji, biex nifhmu aħjar x’tagħlim għandna nagħtu lill-istudenti tagħna. L-għalliema jridu jkunu preżenti fid-dinja tax-xogħol u jifhmu x’qiegħda tirrikjedi.

Dr Glorianne Borg Axisa taqbel perfettament ma’ dak li qal Profs Borg. L-edukazzjoni ekwa għandha tinkludi l-attenzjoni personalizzata li din tista’ sseħħ biss bil-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Sfortunatement il-messaġġ ta’ x’għandu jkun is-sehem tal-ġenituri mhuwiex ċar. L-iskejjel jorganizzaw laqgħat għall-ġenituri filgħodu meta llum il-ġurnata l-maġġoranza tal-ġenituri t-tnejn jaħdmu. L-aċċess biex il-ġenituri jkunu preżenti huwa nieqes. Dr Borg Axisa hija l-moħħ wara l-Maltese Association of Parents of State Students (MAPSSS)

Kendrick Bondin il-kelliem ta’ din il-roundtable saħaq li l-GWU tħares lejn l-edukazzjoni b’mod ħolistiku għaliex l-istudenti għada pitgħada ser isiru ħaddiema tal-futur fis-soċjetà tagħna. L-edukaturi ta’ snin bikrin huma ħaddiema fl-istess soċjetà tagħna u għandhom jiġu stmati daqs kwalunkwe edukatur ieħor. Il-ġenituri huma ħaddiema wkoll għalhekk ma nistgħux nibqgħu naqsmu din is-sistema f’kaxxi però għandna nħarsu lejha bħala katina waħda. It-tfal ta’ kull ħaddiem għandhom jiġu stmati kollha ndaqs illum qabel għada biex nibdew naraw il-bidla, tonqos id-diskriminazzjoni u nersqu iżjed lejn soċjetà ekwa.

Dr Immanuel Mifsud jgħid li f’din ir-roundtable ssemmew diffikultajiet li professjonisti preżenti qegħdin jiltaqgħu magħhom. Problemi li kien jaqra dwarhom 30 sena ilu meta hu kien għadu student. Is-sistema qiegħda żżomm ċertu student milli jiżviluppaw. X’qed nistennew biex is-soċjetà li tgħid li hi ugwali tagħmel il-passi meħtieġa biex kulħadd ikollu r-riżorsi neċessarji għall-edukazzjoni li hija bid-dritt għal kulħadd? “Jekk verament għandna l-perspettiva li t-tfal nibagħtuhom childcare u nirreferi għall-edukaturi bħala babysitters tlifna d-direzzjoni ta’ x’għandha tkun edukazzjoni.” L-ugwaljanza tfisser li nqisu lil kulħadd indaqs però l-ekwità titlob li lil min huwa batut jew żvantaġġjat ngħinuh iżjed.

Prof Peter Mayo fetaħ it-tieni round-table u mill-ewwel semma li l-edukazzjoni hija dritt uman. Għandna sistema li dejjem tipponta subgħajha lejn min ma għandux ħiliet però ħafna drabi r-riżorsi huma l-problema. Il-Unions għandhom irwol importanti ħafna f’dan l-aspett għaliex iridu dejjem jibqgħu jiġġieldu għad-dritt tal-edukazzjoni u mhux edukazzjoni biex timpjega ruħek però edukazzjoni aktar wiesgħa. Fejn tidħol l-edukazzjoni għandna nżommu f’moħħna l-ħarsien taċ-ċittadini u x’hemm bżonn li jsir fis-soċjetà u l-komunità.

Alekx Farrugia jiffoka fuq studenti li jitilqu mill-iskola mandatorja mingħajr ħiliet bażiċi u l-post  tax-xogħol li dejjem jinbidel. Farrugia jemmen li l-barranin huma Maltin ġodda u għalhekk il-kontribut tagħhom fis-soċjetà huwa importanti u għandhom ikollhom aċċess għall-edukazzjoni tagħna għax għada pitgħada dawn ser isibu ruħhom fil-komunità tagħna. “It-tessut tagħhom għandu jitħallat mat-tessut tagħna.” Bħala soċjetà rridu nkunu ċerti li l-edukazzjoni tagħna qiegħda tilħaq anke lil dawn in-nies.

Profs Carmen Sammut saħqet ħafna fuq kemm hu importanti li l-università tippromwovi l-inklussività li permezz ta’ hekk is-soċjetà tkun aktar inklussiva. Sammut ħadmet ħafna għall-opportunitajiet lil ċittadini akbar fl-età biex ikollhom iċ-ċans għall-edukazzjoni aktar tard f’ħajjithom. Apparti minn hekk Profs Carmen ħadmet ukoll biex individwi barranin u refuġjati wkoll ikunu inklużi u jidħlu fil-korsijiet li jixtiequ. Biex l-edukazzjoni tkun ekwa trid tinkludi lil kulħadd u tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Dr Kurt Borg ġej mill-kap filosofiku u jemmen li kull tema u proċess ma tridx tħares lejhom b’mod astratt biss però trid tanalizzahom fil-prattika. “L-edukazzjoni hija attività li trammew lill-bniedem b’mod ħolistiku.” L-edukazzjoni matul il-ħajja hija dritt uman. L-inekwità fl-edukazzjoni hija konnessa mal-inugwaljanzi soċjali b’mod aktar wiesgħa. L-università għandha r-riżorsi neċessarji biex tkun ta’ gwida għal dan il-pajjiż għall-edukazzjoni u liema direzzjoni għandha tieħu.

Danielle Attard Portughes semmiet diversi sfidi li jiltaqgħu magħhom l-edukaturi tal-Fondazzjoni Reggie Miller. Il-proċess biex takkredita kors huwa twil ħafna li jxekkel milli toffri tagħlim lill-individwi li l-iżjed ikollhom bżonn biex jixmu ʼl quddiem fix-xogħol u fil-ħajja personali tagħhom. Attard Portughes żiedet tgħid li tagħti l-aċċess mhuwiex biżżejjed. Fil-karriera tagħha ltaqgħet ma’ ħafna ċittadini żgħar fl-età mingħajr ħiliet bażiċi tal-lingwa. Li teduka lill-ġenituri huwa importanti ħafna għaliex huma l-pilastri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom flimkien mal-għalliema. 

Josef Bugeja s-Segretarju Ġenerali tal-GWU għalaq din il-konferenza billi semma li l-GWU dejjem emmnet li l-edukazzjoni hija l-aqwa investiment li tista’ tagħti lis-soċjetà. “Meta ssemmi l-edukazzjoni tkun qed tindika l-ġustizzja soċjali, mobilità soċjali u l-aċċess għall-edukazzjoni tul ħajtek kollha.” Mobilità soċjali mhux biss fuq il-post tax-xogħol però tkabbir tal-għerf tal-persuna bil-mod kif jaħseb u janalizza b’mod ħolistiku. L-edukazzjoni tul il-ħajja tkabbar lill-individwi u tgħinhom jilħqu l-potenzjal tagħhom. Il-GWU temmen li għandha tkun preżenti fit-tfassil u t-twettiq ta’ politika nazzjonali għall-edukazzjoni ekwa aċċessibbli għal kulħadd anke għall-pensjonanti.

Il-GWU stiednet lil Ministru tal-Edukazzjoni Hon Justyne Caruana però minħabba żviluppi fil-pandemija Covid-19 sfortunatament ma setgħetx tkun magħna.