Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU temmen li bi sforz kollettiv nistgħu nibdlu r-riżultat tal-bieraħ

Wara li Malta tpoġġiet fil-lista griża tal-FATF, il-General Workers’ Union temmen li jekk il-forzi kollha Nazzjonali jagħmlu sforz kollettiv, Malta għandha terġa’ tikseb lura l-għarfien u l-kredibilità Internazzjonali.

Il-GWU temmen li sar ħafna xogħol dwar governanza, rule of law u trasparenza finanzjarja, iżda dejjem hemm x’jista’ jsir iżjed. Ir-riperkussjonijiet tar-riżultat tal-bierah jistgħu jinħassu f’setturi ekonomiċi kollha u dan jista’ jwassal għat-telf tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-impjiegi u tat-tnaqqis ta’ investiment dirett barrani.

Il-pandemija ġabet għaqda bejn l-isħab soċjali kollha u l-Gvern li taw riżultati tajbin ħafna. Permezz tal-ħidma kollettiva Malta rnexxielha tikkontrolla l-imxija u żżomm il-qgħad ta’ pajjiżna fuq livelli baxxi meta mqabbel mal-kumplament tad-dinja.

Ir-riżultat huwa sfida oħra biex nerġgħu ningħaqdu flimkien u naħdmu id f’id biex malajr kemm jista’ jkun innaddfu isem Malta u nbiddlu dan ir-riżultat u Malta terga’ tibda timxi ʼl quddiem. Il-General Workers’ Union ma għandhiex dubju li flimkien nerġgħu niksbu l-post li ħaqqna.