Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU se tniedi skema volontarja kollettiva tal-pensjonijiet

Ikkonfermati fil-kariga l-uffiċjali tal-amministrazzjoni ċentrali

Il-General Workers’ Union (GWU) mistennija tniedi fond ta’ pensjoni privata ma’ sieħeb strateġiku sabiex il-ħaddiema membri tagħha jibdew jikkontribwixxu fih. Dan sabiex mal-età tal-pensjoni, minbarra l-pensjoni tas-sigurtà soċjali, ikollhom pensjoni addizzjonali li tgħinhom ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. B’dan il-mod, il-GWU se tkun l-ewwel unjin li jkollha skema volontarja kollettiva tal-pensjonijiet.

Dan ħabbru s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fi tmiem konferenza nazzjonali straordinarja li tlaqqgħet ilbieraħ fil-Workers’ Memorial Building. F’din il-konferenza, is-Segretarju tat-Taqsima Internazzjonali Jason Deguara, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, il-President Victor Carachi u s-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja reġgħu ġew ikkonfermati fil-karigi rispettivi tagħhom.

Is-Sur Bugeja beda d-diskors tiegħu billi qal li huwa ta’ privileġġ għalih li bħala Segretarju Ġenerali qed jerġa’ jindirizza lil dawk kollha preżenti f’din il-konferenza li saret fid-dar naturali tal-ħaddiema li f’Ottubru li ġej tagħlaq 80 sena.

Huwa stqarr li tul il-milja taż-żmien, il-GWU għamlet differenza fil-ħajja tan-nies, tal-ħaddiema u anke tas-soċjetà b’mod inġenerali. “Dan ix-xogħol kollu li sar kien grazzi għall-membri u għalikom. Mingħajrkom, il-GWU u aħna kollha m’aħna xejn,” qal Bugeja.

“Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel. Is-soċjetà nbidlet. Anke l-GWU qiegħda tinbidel. Imma l-prinċipji li xprunawna baqgħu l-istess. Matul is-snin il-GWU għamlet differenza fil-ħajja tal-ħaddiema, fis-soċjetà. Ħidma li għamiltu intom fuq il-postijiet tax-xogħol.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem dwar l-effetti li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19. Hawn qal li l-għanijiet prinċipali kienu tnejn – dawk li jiġu salvati l-ħajjiet u l-impjiegi tal-ħaddiema.

Qal li: “s-Segretarji kollha flimkien mal-amministrazzjoni u l-uffiċjali ħdimna sabiex salvajna kull impjieg u ma ntilef l-ebda mpjieg. Ridna nieħdu ħsieb kemm is-saħħa fiżika u anke s-saħħa mentali għax kulħadd kien qed jiġi affettwat.”

Ma naqasx milli jsemmi l-iskema tal-Covid Wage Supplement li kienet kruċjali fi żmien meta n-negozji kienu qed jissieltu biex jilqgħu għall-pandemija u biex il-ħaddiema jibqgħu fl-impjieg tagħhom.

Wara l-Covid imbagħad faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, u fiż-żewġ xenarji l-akbar ostaklu li kellhom kienet l-inċertezza u x’se jkun qed jiġri fil-futur. Bugeja iżda qal li fl-isfond ta’ dan kollu u matul dan iż-żmien, is-Segretarji baqgħu kontiwament jagħmlu ftehim wara l-ieħor, biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema filwaqt li jiżdiedu l-opportunitajiet u l-impjiegi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem dwar il-kwistjoni taż-żieda fl-inflazzjoni, il-ħaddiema tal-pjattaformi, u anke d-direttiva favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Apparti hekk, fakkar ukoll kif il-GWU mhux biss għandha rwol nazzjonali, imma wkoll tagħti l-kontribut tagħha fuq livell Ewropew u anke b’mod internazzjonali.

Dwar iż-żgħażagħ, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li jieħu pjaċir jara studenti jagħmlu l-apprentistat tagħhom mal-union. Huwa qal ukoll li jinsab kburi li għall-ewwel darba, il-GWU għandha tliet Segretarji nisa u jaspira li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi f’kull livell.

Sadanittant, is-Sur Bugeja rrefera wkoll għall-proposta dwar is-sħubija awtomatika fi trejdunjin tal-għażla tiegħek. “Għad hawn l-abbużi u sfruttament. U tara d-differenza fejn ikollok post tax-xogħol organizzat u post tax-xogħol mhux organizzat.”

Huwa tenna wkoll li “bħalma għamlu ta’ qabilna, il-GWU rridu nħalluha soda biżżejjed biex din tibqa’ hawn sabiex fis-soċjetà tagħmel id-differenza. Importanti għax apparti li hija l-akbar unjin u hi d-dar naturali tal-ħaddiema, imma hi sħab soċjali strateġiku biex tressaq l-ideat u tagħti vuċi lil dawk li m’għadhomx.”

Is-Sur Bugeja temm jirringrazzja lis-Segretarji tat-Taqsimiet, l-uffiċjali u d-delegati u anke lill-impjegati kollha tal-union għall-ħidma tagħhom.

Il-GWU bi proposta għal windfall tax

F’diskors li għamel fil-bidu tal-konferenza, il-President tal-GWU Victor Carachi rrefera għat-tħaddim tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, u semma li wieħed mill-pilastri tad-demokrazija tagħna huma l-Qrati. Qal li l-ġustizzja qiegħda hemm biex mhux biss issir, imma trid tidher li qed issir u semma każijiet fejn deċiżjonijiet tal-Qorti ġew mibdula minn deċiżjonijiet ta’ Qrati oħra.

Huwa rrefera wkoll għall-attakki inġusti li saru fuq il-Prim Ministru illi tkellem kontra d-dewmien fit-tlestija ta’ inkjesta maġisterjali. Dan anke fil-kuntest illi hemm għexieren ta’ inkjesti li għadhom mhux mitmuma.

Huwa rrefera wkoll għas-settur tal-midja u qal li din bħal entitajiet oħra għandha tkun regolata partikolarment f’dik li hija etika ġurnalistika.

Is-Sur Carachi rrefera wkoll għall-għoli tal-prezzijiet f’pajjiżna u semma li l-unjin ipproponiet li kif għamlet l-Unjoni Ewropea meta daħħlet il-windfall tax, li hija taxxa ta’ darba, hekk ukoll għandu jsir f’pajjiżna biex kemm jista’ jkun titrażżan l-inflazzjoni.

B’eżempju huwa semma wkoll il-każ tal-ilma fil-fliexken li għolew fil-prezz tagħhom meta l-ilma mhux qed nimpurtawh. “Allura kif għola l-prezz tiegħu?” staqsa s-Sur Carachi.

Huwa temm jawgura li din il-unjin tibqa’ b’saħħitha taħt it-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.

Fil-bidu tal-konferenza nżammet minuta silenzju għal dawk il-ħaddiema li ħallewna u ntwera wkoll filmat li jfakkar il-memorja tal-eks Segretarju Ġenerali, Tony Zarb, li miet f’Mejju tas-sena li għaddiet. Wara l-Qari tal-Minuti u l-approvazzjoni tar-rapport amministrattiv saru diskorsi mis-Segretarji tat-Taqsimiet kollha tal-GWU li kienu segwiti mill-elezzjoni tal-ħatriet.