Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU, ĠEMMA u Malta Bankers’ Association joffru taħriġ għall-anzjani dwar l-għarfien digitali finanzjarju

Wara s-suċċess tal-proġett pilota li sar b’kollaborazzjoni bejn ĠEMMA u l-Malta Bankers’ Association (MBA), fejn ingħata taħriġ dwar il-Litteriżmu Finanzjarju ġewwa l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, se jerġa jingħata t-taħriġ, din id-darba b’kollaborazzjoni mal-General Workers’ Union Għaqda Pensjonanti.

Permezz tal-proġett pilota, it-tim organizzattiv ġabar analiżi tal-isfidi li jiffaċċjaw l-anzjani fejn tidħol teknoloġija diġitali u ħejja taħriġ li jista’ jgħin biex inaqqas id-diffikultajiet li jinħolqu minħabba nuqqas ta’ għarfien diġitali.

Dawn is-sessjonijiet se jsiru proprju fil-binja tal-General Workers’ Union, il-Belt matul ix-xhur ta’ Marzu u April.

It-taħriġ se jkunu maqsum f’żewġ partijiet – għarfien dwar il-flus, u taħrig dwar kif isiru tranżazzjonijiet bankarji onlajn ma’ tlett banek ewlenien. Dawn is-sessjonijiet se jibdew fl-1 ta’ Marzu 2023, fejn jiġi servut tè u kafè.

L-Ewwel Parti – Sessjonijiet dwar il-flus:

  1. Frodi u Scams
  2. Immaniġġjar u tfaddil tal-flus fuq bażi regolari
  3. Tipi differenti ta’kards bankarji
  4. Benefiċċji soċjali għall-pensjonanti

It-Tieni Parti – Taħriġ dwar tranżazzjonijiet online:

  1. X’inhuma finanzi diġitali
  2. Kif taċċessa biex tagħmel tranżazzjoni onlajn
  3. Kif titrasferixxi flus bejn kontijiet
  4. Kif tħallas kont onlajn
  5. Kif tiċċekja l-bilanċ fil-kont tiegħek

Dawk il-pensjonanti li diġa applikaw għat-taħriġ dwar it-Tranżazzjonijiet Onlajn mal-banek fejn se jkunu qed jieħdu sehem l-HSBC, BOV u APS huma mħeġġin biex jattendu l-ewwel parti tas-sessjonijiet, fejn se tingħata aktar informazzjoni dwar is-sessjonijiet li se jkunu maqsuma fi gruppi ta’ 10 persuni.

L-ewwel parti tas-sessjonijiet se tkun immexxija minn rappreżentanti tal-HSBC Malta Foundation, ĠEMMA u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

It-tieni parti tas-sessjonijiet se tkun immexxija minn rappreżentanti tekniċi mill-BOV, HSBC u APS. Rappreżentanti mill-MBA se jkunu wkoll preżenti.