Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-PM f’laqgħa mal-GWU

“Fina se ssibu Gvern li se jibqa’ man-nies”

“Nagħtikom il-kelma tiegħi li fina se ssibu Gvern li se jibqa’ man-nies. Lill-first time buyers, se nagħtuhom għotja ta’ €10,000 fil-ħlas tal-loan tagħhom jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja fis-26 ta’ Marzu. Lill-pensjonanti se nagħtuhom żieda ta’ mill-inqas €15 fil-ġimgħa. Lin-negozji se ngħinuhom ukoll biex b’hekk ikunu jistgħu jibqgħu jinvestu fil-ħaddiema tagħhom u joffrulhom salarji aħjar. Se nibqgħu Gvern għan-nies.”

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu mal-General Workers’ Union, fejn ġew diskussi fost oħrajn il-proposti li qiegħda tagħmel l-union għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Għal din il-laqgħa attendew membri tal-Kunsill kif ukoll l-amministrazzjoni ċentrali u s-Segretarju tat-Taqsimiet tal-union. 

Il-PM Abela beda biex qal li dawn l-aħħar sentejn kienu prova qawwija ta’ kif naħdmu u nipproteġu flimkien lill-ħaddiema tagħna. Sa mill-ewwel jiem tal-pandemija fassalna l-mod kif se nimxu ‘l quddiem. 

Huwa għamel referenza għall-Wage Supplement u għadd ta’ skemi oħra li permezz tagħhom ġew salvati l-impjiegi tal-ħaddiema. “Ipproteġejna lill-ħaddiema u t-tbassir li kellna ta’ ‘l fuq minn 50,000 persuna li kellha tispiċċa qegħda, mhux talli ma mmaterjalizzax imma illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellu pajjiżna fl-istorja tiegħu,” qal il-Prim Ministru.

Huwa semma wkoll kif waqt pandemija, flimkien mal-GWU, ingħalqu diversi ftehimiet kollettivi importanti fosthom għall-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dan sar fl-istess waqt li ħaddieħor lill-membri tal-FAM ipprova jixħithom il-ħabs talli ssugraw ħajjithom waqt l-eqqel ta’ pandemija biex isalvaw il-ħajjiet.

“Irridu kwalità ta’ ħajja aħjar, opportunitajiet għal kulħadd u Malta isbaħ”

Il-PM tenna li għaż-żmien li ġej irridu kwalità ta’ ħajja aħjar, opportunitajiet għal kulħadd u Malta isbaħ. Qal li: “nemmnu li l-ħaddiem mhux biss jeħtieġ li jkollu inqas taxxi imma wkoll aktar ħin mal-familja u aktar postijiet ta’ kwalità fejn jista’ jgawdi l-ħin liberu tiegħu mal-familja u ħbieb. Għalhekk qed nipproponu proġetti ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin għax irridu li nenfasizzaw il-kwalità tal-ħajja u li nagħmlu Malta isbaħ. Għalhekk ukoll l-investiment fl-edukazzjoni, bil-garanzija għat-tfal għax irridu li t-tfal ikollhom l-aqwa għodda.”

Il-PM spjega wkoll li se jkunu qed iwessgħu t-tax bands b’mod li jgawdu l-ħaddiema kollha. Ma’ dan it-twessigħ se jibqa’ jingħata r-rifużjoni tat-taxxa. Dan ifisser €90 miljun fil-bwiet tal-ħaddiema tagħhom.

Huwa qal li l-familji tagħna draw li jirċievu ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa. “U hekk jistħoqqilhom. Dawn huma ċekkijiet li gawdew minnhom madwar kwart ta’ miljun ħaddiem. 

“Jekk fis-26 ta’ Marzu, il-poplu jagħżel lill-Partit Laburista dawn iċ-ċekkijiet se jkomplu jissaħħu u l-ikbar ċekk se jkun qiegħed jitla’ minn €140 għal €165.

“Imma jekk fis-26 ta’ Marzu jkun il-Partit Nazzjonalista li jingħata l-mandat, iċ-ċekk li qed jingħata bħalissa u li l-familji se jkunu qed jirċievu fil-jiem li ġejjin, se jkun l-aħħar wieħed. 

“Fil-manifest tal-PN ma jissemmewx ċekkijiet ta’ rifużjoni u dan se jfisser mijiet ta’ ewro inqas fuq ħafna snin fil-bwiet tal-familji tagħna. Minflok qed jgħidu li se jagħtu kreditu tat-taxxa lil min iħallas it-taxxi. Jekk taraha sew tinduna kemm hemm min se jmur minn taħt b’din il-proposta.

“Dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista fil-manifest tiegħu, dawk li ma jinqbadux bl-income tax, Gvern immexxi mill-PN se jneħħilhom iċ-ċekk ta’ rifużjoni u ma jagħtihom xejn. Ħafna minnhom dawn huma l-ħaddiema li tirrappreżentaw intom. Qed nitkellmu fuq nies bil-paga minima, nies li aħna bħala politiċi għandna dover li nipproteġuhom l-aktar,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa rrefera wkoll il-kirjiet protetti ta’ qabel l-1995 fejn stqarr li l-PN qed iwiegħed li r-riforma li għamel dan il-Gvern, li tipproteġi 10,000 familja, fi żmien tliet snin iħottha kompletament. 

Dr Abela kompla jgħid li “bħala trejdunjin għandkom l-għażla bejn il-politika li bħala pajjiż ħaddanna fl-eqqel ta’ pandemija – dik li ninvestu fin-nies, l-istess politika li se nkomplu nsaħħu fiż-żmien li ġej – jew min joħodna lura għall-politika ta’ qabel l-2013.”

“Ħadna għażla konxja, li ma nżidux il-prezzijiet tal-enerġija, li mmorru għall-istabbilità, li ngħinu lin-nies b’ċekkijiet addizzjonali flimkien maċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa.”

Finalment, huwa ta l-garanzija tiegħu li dan se jibqa’ Gvern għan-nies. “Se nibqgħu magħkom anke f’mumenti ta’ inċertezza. Kif urejna fil-pandemija, dan huwa mument ta’ instabbiltà internazzjonali iżda se nibqgħu niggarantixxu t-tmexxija soda u stabbli,” temm jgħid il-Prim Ministru.