Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union, Marittima u Avjazzjoni

Il-GWU Taqsima Marittima u Avjazzjoni

Il-GWU għandha diversi taqsimiet b’Segretarji u team speċjalizzat fuq kull industrija li tirrappreżenta dik it-taqsima partikolari. Din l-istruttura nħolqot apposta biex il-membri tagħna jingħataw servizz aħjar.

X’għandek tkun taf fuq din it-taqsima?

Il-ħaddiema li jaqgħu f’din it-taqsima jaħdmu kemm ma’ kumpaniji pubbliċi kif ukoll privati. Il-kumpaniji jvarjaw minn:

  • Linji tal-arju
  • Serviżż li għandhom x’jaqsmu mat-traffiku tal-ajru
  • Kumpaniji Marittimi
  • Transport Pubbliku
  • Kumpaniji li joffru serviżż ta’ Ground Handling
  • Laneċ ta’ Sajd u dawk kummerċjali
  • Burdnara ta’ ġarr tal-merkanżija
  • Ħaddiema tax-Xatt

L-ebda ħaddiema ma jistgħu jiġu miċħuda milli jkunu rappreżentati minn Union tal-għażla tagħhom. Apparti minn hekk il-ħaddiema kollha jistgħu jbiddlu l-Union li jkunu magħha u jidħlu membri ma’ Union differenti. L-ebda ħaddiema ma għandhom jiġu mġegħlin jibqgħu membri f’Union partikolari li ma tkunx qed tipproteġihom kemm hemm bżonn, aktar u aktar meta jkunu jafu li Union oħra tista’ toffrilhom iżjed sapport u għajnuna. Il-kuntratt tax-xogħol tiegħek ma jiddefinixxix jekk inti tistax tidħol membru ta’ Union jew le. Kulħadd għandu dritt li jkun f’Union.

Din is-sezzjoni taħdem ma’ ħafna kumpaniji differenti fl-industrija Marittima u tal-Avvjazzjoni, fosthom hemm l-AirMalta plc, AirMalta Aviation Services, MaltaAir, Medavia, SRTechnics, Nuance u Mediterranean Offshore Bunkering (MOBC), Freeport, Malta International Airport, Valletta Gateway Terminal, Ħaddiema tax-Xatt u Burdnara ta’ Sement.

Meta ħaddiema jkunu membri mal-GWU u jkunu fi ftehim kollettiv is-Segretarju jkun dejjem preżenti meta jkun hemm laqgħat dwar deċiżjonijiet fejn jidħlu l-ħaddiema bħal kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi. L-ebda maniġment ta’ kumpanija ma jista’ jieħu deċiżjonijiet jew passi mingħajr ma’ jikkonsulta mal-Union.

Barra dan is-Segretarju kontinwament jieħu sehem f’djalogu soċjali fuq livell Ewropew u globali mal-ETF u l-ITF biex iwassal l-ilmenti ta’ ħaddiema f’dan is-settur. It-Taqsima tieħu sehem f’diskussjonijiet flimkien ma’ Trade Unions oħra dwar low cost carriers u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’dawn il-linji tal-ajru.

Barra minn hekk, il-GWU hija r-rappreżentant uffiċjali tal-International Transport Federation. Is-Sur Paul Falzon huwa l-ispettur tal-ITF għal Malta u kontinwament ikun involut f’tilwim u diskussjonijiet dwar baħħara ma’ sidien tal-vapur. Anke dawn matul din il-pandemija ġew milquta bil-kbir b’diversi baħħara spiċċaw xhur sħaħ fuq il-vapur għax ma setgħux jiġu mibdula. Matul is-snin il-GWU ffirmat diversi ftehim kollettivi kemm bħala rappreżentant uniku, kif ukoll ma’ Trade Unions barranin f’isem baħħara u uffiċjali fuq il-bastimenti.

X’inhuma l-benefiċċji li tkun membru?

  • Negożjar kollettiv fuq paga u kundizzjonijiet 
  • Involviment dirett fil-bidliet li jseħħu fil-postijiet tax-xogħol. 
  • Parteċipazzjoni sħiħa
  • Pariri u servizzi legali
  • Rappreżentazzjoni personali u kollettiv
  • Saħħa u sigurtà
  • Ugwaljanża
  • Stabbilità fuq il-post tax-xogħol

Malli ħaddiema f’kumpanija jidħlu membri tal-Union jibda l-proċess biex jintgħażlu d-delegati u x-Shop Stewards biex jirrappreżentaw lill-ħaddiema. L-irwol tagħhom huwa essenzjali u ta’ għajnuna kbira għall-membri għaliex huma jkunu dejjem f’komunikazzjoni kontinwa bejn il-ħaddiema u l-Union. L-irwol huwa important għaliex huma l-ambaxxaturi tal-ħaddiema f’isem il-GWU. Huma wkoll l-ewwel persuni li jirrikorru għandhom il-ħaddiema meta jkollhom xi problema u b’mod reċiproku r-rappreżenti jgħaddu kull tip ta’ komunikazzjoni lilhom.

Malli l-GWU tiġi rikonoxxuta f’post tax-xogħol tibda l-ħidma għall-ftehim kollettiv. Fih ikun hemm imniżżel fid-dettall il-kundizzjonijiet kollha tal-ħaddiema. Barra minn hekk ikun hemm ukoll id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni

Sandro Vella ilu attiv fil-qasam trejdunjonistiku mill-1996, fejn kien Segretarju tal-Union tal-Cabin Crew. Huwa kellu wkoll l-opportunità li jaħdem fuq proġett mal-ETC bl-isem Youth Employment Programme (YEP). Fl-2014 Sandro ngħaqad mal-GWU bħala Assistant Segretarju ta’ din is-sezzjoni, fejn sena wara ġie nnominat u elett bħala Segretarju. Sandro ffirma diversi Ftehim Kollettivi f’numru ta’ kumpaniji.