Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU bi żjara fiċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-fjuwil f’Ħas-Saptan

Il-General Workers’ Union kompliet bis-sensiela taż-żjarat tagħha fuq il-postijiet tax-xogħol fl-okkażjoni tat-80 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Ilbieraħ, l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU għamlet żjara fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-fjuwil f’Ħas-Saptan.

F’din il-laqgħa, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop enfasizza li l-ENEMED ħolqot dijżil apposta li jnaddaf id-DPF tal-karozza. Ġie diskuss ukoll is-sussidju li qiegħed jingħata fuq il-fjuwils. Chircop qal ukoll li l-kumpanija tagħmel ċerta li tkun sostenibbli, toffri protezzjoni għal ħaddiema u taħdem ukoll fuq l-innovazzjoni.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-unjin qed iżżur kumpaniji u entitajiet li jabbraċċaw l-innovazzjoni u s-sostenibbilità iżda fuq kollox jagħmlu ċert li lill-ħaddiema jagħtuhom dak li jixirqilhom.

Huwa wera wkoll l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema għax-xogħol kbir li wettqu biex sar it-trasferiment minn faċilità għall-oħra u kif ukoll għall-kontribut li taw biex il-kumpanija setgħet tkompli miexja ´l quddiem u tissaħħaħ. 

Is-Sur Bugeja kien akkumpanjat minn Victor Carachi – President tal-GWU, Kevin Camilleri – Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU u Rita Dimech – Segretarju tat-Taqsima GWU Kimika u Enerġija.