Written by Aħbarijiet, Artikli, Għaqda Pensjonanti, Il-Union

Problema tad-dimensja

Matul il-laqgħa li l-Għaqda kellha mal-Ministru tal-Anzjanità Attiva. Dr. Michael Farrugia, fost temi oħra ġiet diskussa l-problema tad-dimensja speċjalment fuq l-Anzjani. Din tista’ twassal, li individwi jispiċċaw fil-periklu fuq ħajjithom u dan meta l-anzjani bid-dimenzja jintilfu u ma jkunux kapaċi jerġgħu lura minħabba l-kundizzjoni li jkollhom.

Waqt il-laqgħa mal-Ministru ġiet diskussa l-probabbiltà li jibdew jiġu użati mezzi teknoloġiċi. Permezz ta’ dawn il-mezzi, l-anzjani mitlufa jistgħu jinstabu billi jkollhom apparat apposta li bih ikun jista’ jiġi identifikat il-persuna fejn tkun qegħda. Liema apparat illum jeżisti u ma ġiex eskluż li l-Gvern jintroduċi proġett pilota f’dan il-qasam. Dan hu tip ta’ apparat żgħir li jista’ jsalva saħansitra l-ħajja ta’ anzjani li jbatu bid-dimensja.

Ħidma tal-Għaqda

Programm ambizzjuż ta’ attivitajiet soċjali u kulturali

Bħalissa, bħala Għaqda, qegħdin naħdmu fuq programm ambizzjuż biex hekk kif jasal iż-żmien jiġi varat fejn l-Għaqda Pensjonanti se tkun torganizza attivitajiet għal membri tagħha. Bħala Għaqda qegħda tuża dawn iż-żminijiet biex tipprepara programm sħiħ ta’ attivitajiet immirati biex il-membri jkunu jistgħu jattendu għal attivitajiet soċjali u kulturali immirati għalihom.

Biex dal-programm isir hemm bżonn ħafna xogħol ta’ loġistika li jinkludu, il-post fejn se tkun se ssir l-attività, it-trasport, l-avviżi u l-kelliema mistiedna għal waqt xi attivitajiet kulturali fejn il-membri jingħataw tagħrif interessanti.

Hemm diversi attivitajiet li qegħdin inħarsu lejhom li dawn jinkludu mhux biss attivitajiet li jsiru f’Malta imma wkoll f’Għawdex. Qegħdin inħarsu lejn il-possibbiltà li l-membri jingħataw l-opportunità li jsiefru flimkien mal-Għaqda.

L-Għaqda qiegħda taħdem fuq dal-programm ambizzjuż għax jidher biċ-ċar li l-membri huma ħerqana biex jerġgħu jibdew jattendu għall-attivitajiet organizzati mill- Għaqda. Kienu bosta membri li wkoll waqt il-pandemija wrew ix-xewqa li l-Għaqda terġa’ tibda torganizza attivitajiet u kien proprju għalhekk li l-Għaqda qed tuża dan iż- żmien ta’ pandemija biex tlesti programm sħiħ ta’ attivitajiet soċjali u kulturali.

Bħala Għaqda tagħmel kuraġġ lill-membri u twasslilhom dal-messaġġ li dan iż -żmien jgħaddi u l-attivitajiet jibdew bil-kbir. Lill-membri, l-Għaqda tgħidilhom li jużaw dan iż-żmien billi jfaddlu xi ħaġa ħalli jkunu jistgħu jibdew jattendu għal attivitajiet għax dawn se jkunu ħafna.

Inizjattiva ġdida, passatempi

Fuq suġġeriment ta’ diversi membri, l-Għaqda Pensjonanti tal-GWU qiegħda tistieden lil dawk il-membri tal-Għaqda li għandhom xi passatemp biex jibagħtu ritratt tal-passatemp tagħhom flimkien ma’ isem u indirizz biex fejn huwa possibbli minn żmien għal żmien jiġu pubblikati f’xi pubblikazzjoni tal-Għaqda. Dawk interessati jistgħu jagħmlu dan jew permezz ta’ email fuq pensionerssection@gwu.org.mt jew jibagħtu ritratt bil-posta.

L-isbaħ xewqat għall-Għid

L-Għaqda Pensjonanti tal-GWU tawgura l-Għid it-tajjeb lill-membri u lill-familji tagħhom kif ukoll lill-pensjonanti kollha Maltin u Għawdxin u l-pubbliku inġenerali.