Il-GWU Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tirreġistra azzjoni industrijali favur il-ħaddiema membri li jaħdmu fil-Kura tas-Saħħa skont kif indikat fil-ftehim kollettiv attwali għall-istess Impjegati 2017-2024, Artikolu 9.3. Ftit tal-ġimgħat it-taqsima ordnat tilwima industrijali favur l-istess ħaddiema però sfortunatament ma sar l-ebda tibdil.
Minħabba f’hekk il-GWU tinforma li qed tagħti struzzjonijiet mit-30 ta’ Marzu lill-membri kollha tagħha li jaqgħu taħt il-ftehim settorjali tal-Kura tas-Saħħa:
- MDH, MCH, Samoc, SVP, Djar tax-xjuħ u GGH – ma joħorġux mis-swali, kliniċi, dipartimenti u lanqas mit-taqsimiet tagħhom biex jagħmlu qadjiet marbuta max-xogħol
- SVP – ma jaħslux u jqandlu pazjenti
- PHC – ma jikkomunikawx permezz tat-telefon.
Il-GWU ħadet din id-deċiżjoni wara li t-Taqsima ilha minn Novembru 2020 tipprova tilħaq ftehim dwar il-Ftehim Settorjali tal-ħaddiema. Wara diversi attentati li l-GWU għamlet biex tilħaq ftehim mal-Ministeri kkonċernati ma kien fadal l-ebda alternattiva oħra ħlief li tiddikjara din l-azzjoni industrijali wara nuqqas ta’ komunikazzjoni u progress.
It-taqsima żżid tgħid li hi lesta biex tinnegozja ftehim però tirriserva d-dritt li l-azzjonijiet industrijali jiżdiedu jekk is-sitwazzjoni preċidenti tippersisti.