Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Is-Settur trejdjunonistiku tilef pilastru importanti

B’sobgħa kbira l-GWU tħabbar li fis-7 ta’ Ġunju ħalliena pilastru tat-trejdjunjoniżmu u tas-soċjaliżmu Taljan, Guglielmo Epifani. Bejn l-2002 u l-2010 huwa kien is-Segretarju Ġenerali tac-CGIL, l-akbar Trade Union Taljana. Ħafna jafuh li kien individwu li ta ħajtu għall-Union.

Fl-1999 il-GWU bdiet tibni relazzjoni ma’ Epifani li kisbet ħafna frott. Permezz tiegħu llum l-ġurnata l-Union tikkolabora fuq diversi livelli maċ-CGIL u b’hekk toffri protezzjoni aħjar lill-ħaddiema Taljani residenti Malta.

Il-ħidma bejn il-GWU u ċ-CGIL bdiet snin ilu meta diversi uffiċjali għolja tal-GWU marru jiltaqgħu miegħu ġewwa CGIL Ruma. Wara kienu diversi dawk, speċjalment żgħażagħ li ġew mistiedna fiċ-CGIL Napli għal diversi taħriġ. Il-GWU kienet ukoll offritilhom taħriġ ġewwa Malta. Apparti minn hekk Guglielmo kien fost l-ewwel studenti li għamel il-kors tal-Ingliż meta l-GWU inawgurat l-iskola tagħha, Unilang – International School of English. Diversi uffiċjali għolja tal-GWU attendew kungressi taċ-CGIL f’diversi żminijiet meta Guglielmo kien Segretarju Ġenerali.

Qabel ma’ Malta saret parti mill-Unjoni Ewropea, il-GWU kienet diġà ħadmet fuq diversi proġetti tal-Ewropa. Dan kien possibbli għall-għajnuna u s-sapport li Guglielmo kien ta lill-GWU. Huwa kien ukoll katalist biex il-Forum tat-Trade Unions Maltin jissieħbu membri fl-ETUC.

Ma nistgħu ninsew qatt meta madwar 17-il sena ilu Guglielmo organizza titjira b’160 trejdjunjonista Taljani li ġew jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem magħna f’Malta.

B’niket kbir nixtiequ nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari u l-ħbieb kollha ta’ Guglielmo Epifani. Grazzi ta’ kemm ħdimt id f’id magħna biex wasalna fejn qegħdin illum. Ix-xogħol tiegħek u l-ħbiberija sinċiera jibqgħu f’qalbna għal dejjem.