Written by Aħbarijiet, Artikli, Home, Il-Union

“Jum il-Ħelsien huwa l-Jum li fih bħala Union niftakru fil-ħidma mgħoddija tagħna u nfasslu l-ħidma tal-futur tagħna.” Josef Bugeja

Xi tfisser Jum il-Ħelsien għall-poplu Malti?

Il-Ħelsien miksub ifisser mhux biss it-tluq tal-bażi militari Ingliża iżda wkoll il-ħelsien fil-ħsieb tagħna, f’għażliet tagħna. Ħelsien li ta lill-poplu Malti u Għawdxi l-għażla u l-ħolqien tal-futur tiegħu. Ħelsien li ħoloq soċjetà demokratika, soċjali u b’rajha f’idejha. U matul dawn it-42 sena ta’ Ħelsien, Malta kompliet timxi ʼl quddiem u tagħmel l-għażliet tagħha li ssarrfu fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Għażliet li ħolqu soċjetà mibnija fuq is-solidarjetà soċjali, fuq il-valuri ta’ rispett reċiproku u s-solidarjetà bejn ċittadin u ieħor. Malta hija pajjiż demokratiku bbażat fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Drittijiet li jinkludu l-libertà tal-kelma, il-libertà tal-ħsieb, id-dritt ta’ xogħol u l-libertà tal-assoċjazzjoni. Ħelsien ifisser li aħna nieħdu deċiżjonijiet u direzzjoni li rridu aħna għall-ġid tas-soċjetà tagħna. Valuri li sawruna bħall-ugwaljanza, solidarjeta, progress soċjali, solidarjetà soċjali u ekwita.

Iżda t-triq għall-Ħelsien bdiet ħafna qabel. Ħafna jgħidu li t-triq li wasslet għall-Ħelsien bdiet nhar it-28 ta’ April 1958 meta l-GWU sejħet strajk ġenerali biex tieqaf u taffronta l-arroganza ta’ Gvern Kolonjali li ried itellef l-għajxien lill-eluf ta’ ħaddiema Maltin. Kien bidu li wassal għall-Indipendenza u wara għall-Ħelsien. Kien il-bidu li ta rajna f’idejna. Wara l-Ħelsien saru riformi kbar u Malta nbidlet kompletament. U l-mixja tal-poplu Malti kompliet bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  

Il-Ħelsien ġab responsabilità fuqna lkoll. Responsabilità soċjali li lkoll flimkien jeħtieġ naraw li ħadd ma jaqa’ u jgħix fil-faqar, ħadd ma jkun diskriminat, ħadd ma jkun sfruttat, ħadd ma għandu jkun abbużat u kulħadd għandu d-dritt għal xogħol diċenti, ħlas ugwali u kulħadd jgħix ħajja diċenti.

X’kien l-irwol tal-Union biex Malta tibda t-triq għall-Ħelsien mill-ħakma Ingliża?

Bħala GWU konna fuq quddiem nett mhux biss fil-mixja biex pajjiżna jikseb il-Ħelsien sħiħ tiegħu, iżda wkoll biex insaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, intejbu l-livell tal-għajxien u fuq kollox niksbu aktar drittijiet għall-membri u għall-ħaddiema inġenerali. Il-mixja tal-GWU bdiet ħafna qabel l-1979, u matul din il-mixja kienet dejjem protagonista tant li meta dakinhar tal-31 ta’ Marzu 1979 fuq l-Għolja tal-Ħelsien, li tissimbolizza t-tbatija li għaddew minnha ġenerazzjoni wara oħra ta’ Maltin biex sa fl-aħħar rnexxielhom ikollhom rajhom f’idejhom, tela’ s-Segretarju Ġenerali Ġorġ Agius tal-GWU u l-Prim Ministru ta’ Malta Duminku Mintoff u flimkien xegħlu t-torċa tal-ħelsien li serviet biex iddawwal it-triq ’il quddiem. Dak kien mument storiku li kompla jsaħħaħ il-ħidma tal-GWU wara l-istrajk tal-1958.

Huma mumenti bħal dawn li jiddistingwuna u jidentifikawna minn trade unions oħrajn. Sa mill-bidu tagħha l-GWU dejjem kellha rabta mal-iżvilupp politiku u soċjali ta’ pajjiżna. Il-ħolqien tagħha kien biex tiddefendi, tiggarantixxi u taħdem għall-futur aħjar għall-imsieħba tagħha, il-familji tagħhom u fuq kollox għall-poplu Malti. Dawn il-valuri li sawruna, għadhom l-istess valuri tagħna. Huma l-istess valuri li sawru l-viżjoni tagħna. Għalhekk li l-GWU kienet protagonista fl-aktar żminijiet importanti ta’ dan in-Nazzjon. Dan għamilnieh u għadna nagħmluh għaliex dejjem emminna fil-potenzjal tal-ħaddiema Maltin u l-imsieħba tagħha li jibnu futur. Qatt ma qtajna qalbna minn kull sfida li ffaċċjaw il-membri u l-ħaddiema kollha.  

Għaldaqstant, Jum il-Ħelsien huwa l-Jum li fih bħala Union niftakru fil-ħidma mgħoddija tagħna u nfasslu l-ħidma tal-futur tagħna. Illum bħal dak iż-żmien, huwa mument li nuru l-kuraġġ u niffaċċjaw pandemija u dinja ta’ xogħol ġdida. Fil-ħidma tagħna ta’ kuljum aħna nonoraw il-ħalfa li għamel George Agius li naħdmu għall-Malta aħjar.

Illum il-GWU qed taħdem għall-ħelsien different iżda importanti daqs dakinhar. Illum qed naħdmu biex neħilsu minn pandemija li poġġiet il-ħajja ta’ nies fil-periklu, li waqfet l-ekonomija tagħna u tad-dinja kollha. Ħaddiema ntalbu biex jagħmlu sagrifiċċji. Il-Gvern qed jgħin billi joħroġ l-pagi ta’ dawk il-ħaddiema li ġew imwaqqfa milli jagħmlu xogħolhom. Matul din is-sena ntwera l-kobor tal-GWU li kontinwament kienet protogonista fi djalogu soċjali, kemm mal-Gvern, kif ukoll ma’ sħab soċjali biex ġew salvati eluf ta’ impjiegi. Dan nagħmluh għax nemmnu fil-ħidma kollettiva u għax nemmnu li flimkien kapaċi nsibu soluzzjonijiet. Ħdimna flimkien mal-awtoritajiet fuq miżuri ta’ saħħa biex nipproteġu l-ħajja. Ħdimna mal-gvern biex nipproteġu l-impjiegi u ħdimna ma’ min iħaddem biex nipproteġu l-ħaddiema f’kull post tax-xogħol.

Fl-istess waqt qed naħdmu biex infasslu dinja ġdida ta’ xogħol. Dinja ta’ xogħol li tirrispetta l-ħaddiem u l-ħidma tiegħu. Huwa importanti li dak li nkiseb matul iż-żminijiet jibqa’ jiġi onorat. Żgur li mhux ser inħallu li l-benefiċċji li nkisbu matul is-snin jiġu mċaħħda lill-ħaddiema b’forom ġodda.

Dak li qabel kien impossibbli li jsir, issa qiegħed isir u għalhekk il-Covid-19 biddel il-ħsieb ta’ kif naraw id-dinja tax-xogħol. Din id-dinja ġdida wasslet biex il-ħaddiema jaħdmu mid-dar, jordnaw ikel minn ħwienet fuq applikazzjoni, jordnaw taxi fuq applikazzjoni.  Il-GWU trid tara li dak kollu li sar u nkiseb tul is-snin għall-ħaddiema jiġi estiż u mhux jintilef.

Fl-istess spirtu u ħeġġa llum il-GWU qed naħdmu biex intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ ħaddiema msieħba bi proposti li jgħinu u jipproteġu bħal right to disconnect, gender pay gap, work life balance, digital workers. Matul din is-sena ħdimna biex nagħtu vuċi lil dawk kollha li ma għandhomx vuċi – ħaddiema Maltin, ħaddiema mill-Ewropa, ħaddiema minn pajjiżi terzi, ħaddiema fl-ekonomija diġitali. Rajna wisq abbużi u diskriminazzjoni lejn min mhux organizzat fi ħdan trade union. Għalhekk nemmnu li biex il-ħaddiem ikun liberu minn kull tip ta’ abbuż għandu bżonn li jkun imsieħeb fil-GWU. Dan nemmnuh għax bħala trejdunjonisti nemmnu li l-ħaddiem irid ikun magħqud u solidali ma’ xulxin. Is-solidarjetà hija l-fibra li tgħaqqad is-soċjetà.

Hemm ħelsien ieħor li l-GWU qed taħdem għalih, ħelsien mill-preġudizzju, ħelsien mir-razziżmu, ħelsien mill-mibegħda lejn dak kollu li hu differenti. Ħelsien mir-regħba, u ħelsien mill-individwaliżmu.  Naħdmu biex tiggarantixxu ugwaljanza, inklużjoni, tolleranza, integrazzjoni, qerda tal-prekarjat u ġlieda kontra l-abbuż.

Bħalissa Malta u l-kumplament tad-dinja hija maħkuma mill-pandemija tal-Covid-19 u kulħadd qed iħossu li tilef il-ħelsien li kellna. Kif inbidel l-irwol tal-Union bil-pandemija?

Matul din il-kriżi kemm medika kif ukoll ekonomika ddefinixxa l-kobor tal-GWU. Il-GWU kienet proattiva fi żmien tant delikat u sensittiv. F’kull kriżi ż-żgħir għandu bżonn aktar min jiddefendi d-drittijiet tiegħu u jipproteġih minn abbużi.  Għamilna bidliet kbar fuq diversi livelli. Internament saret ħidma biex nipproteġu lill-impjegati tagħna fejn ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha kif mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan sar ukoll biex il-GWU tkompli tagħti servizz lill-membri tagħha fi żmien tant diffiċli. Il-ħaddiem għandu bżonn min jurih it-triq ʼil quddiem. Ħafna ħaddiema u diversi drabi anke employers iduru fuq l-Union biex jistaqsu dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, allura huwa essenzjali li l-GWU tibqa’ topera u tibqa’ tagħti servizz.  Però daqskemm huwa essenzjali li nagħtu servizz huwa wkoll importanti li nipproteġu lilna nfusna. Matul dawn iż-żminijiet addatajna ruħna għall-esiġenzi tal-membri tagħna u tal-pajjiż. Impenjajna ruħna b’mod dirett u b’mod virtwali fid-diversi postijiet tax-xogħol biex flimkien mal-membri tagħna nevalwaw l-impatt li qed ikun hemm b’rabta mas-sitwazzjoni preżenti u flimkien mas-Shop Stewards insibu soluzzjonijiet biex kemm jista’ jkun possibbli nimmitigaw l-impatt. F’kull post tax-xogħol għamilna pjanijiet ta’ kontinġenza f’dawn id-diversi oqsma fejn ġie definit il-mod kif jistgħu joperaw mingħajr ma jinfettaw lil ħaddieħor, bħal li jkun hemm shifts differenti, ilbies protettiv jew separazzjonijiet bejn il-magni, fost oħrajn. Ħafna ħaddiema oħra ngħataw il-possibilità li jaħdmu mid-dar.

Dan qed isir bi pjan strutturat biex l-ażjendi jibqgħu għaddejja u filwaqt li l-GWU tkun qed tipproteġi lill-membri tagħha mill-aspett finanzjarju imma wkoll mill-aspett ta’ saħħa. Nemmnu li b’ħidma flimkien nistgħu nwaqqfu din l-imxija ta’ dan il-virus u nerġgħu niġu għan-normalità ġdida. Hekk biss nistgħu nibdew l-irkupru. Ħadna ħsieb l-aspett ta’ saħħa u l-aspett ekonomiku. Matul dawn iż-żminijiet għandek enfażi akbar fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Matul dawn iż-żminijiet bħaż-żmien ta qabel il-Ħelsien, għandek kuntrast bejn żewġ dinjiet. Għandek il-ħaddiema li huma ferm inkwetati li jitilfu l-impjieg tagħhom u għandek ħaddiema oħra li għadhom għaddejjin bil-ħidma tagħhom u jibżgħu li se jimirdu. Iżda hemm element li jorbothom; il-biża’ tal-inċertezza tal-futur.  

Fuq livell politiku, bħala l-Amministrazzjoni tal-GWU bħala sħab soċjali ewlenija fil-pajjiż qed taħdem mal-gvern f’konsultazzjonijiet diretti biex flimkien naraw l-impatt dirett fuq il-ħaddiema u r-rispons tal-gvern. Din il-ħidma issa ilha għaddejja fuq sena. Huwa importanti li aħna nkunu proattivi u nagħtu l-għajnuna tagħna. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni tieħu sehem b’mod attiv fl-MCESD u fl-ERB. Kienet il-GWU li kienet proattiva u talbet laqgħa urġenti dwar il-ħlas tal-leave tal-kwarantina. Il-laqgħat bejn is-sħab soċjali fuq iż-żewġ livelli huma kontinwi u jkun hemm dibattitu mqanqal. 

Il-ħidma tagħna bħal dakinhar għenet diversi ħaddiema anke dawk li mhux membri għax qed jibbenifikaw minn dan il-pakkett fosthom ħaddiema fl-ospitalità, tal-ħwienet, il-ħaddiema tal-monti u tat-taxis u dawk l-eluf ta’ ħaddiema li bħalissa mhux joperaw jew jaħdmu, ġew inklużi biex ikunu intitolati għat-€800 ħlas min-naħa tal-gvern u €400 min-naħa ta’ min iħaddem imħabbra fil-pakkett.

Il-maġġoranza tal-membri qed jikkoperaw u qed jaħdmu b’mod individwali ma’ dawk li jħaddmu biex jimmitigaw l-aspett ekonomiku. Issa qed naħdmu wkoll fuq il-futur ta’ wara l-pandemija. Għalhekk huwa important li kulħadd ikun imsieħeb fi trade union tal-għażla tiegħu. Rajna wisq abbużi matul dan iż-żmien. Illum konvinti aktar minn qatt qabel dwar dan. Rajna abbużi fuq min ġie terminat b’sempliċiment messaġġ. Ir-reżiljenza tal-GWU ħarġet matul dan iż-żmien bħaż-żmien qabel il-Ħelsien. Emminna u flimkien wasalna fejn xtaqna.  

X’parir tagħti lill-ħaddiema u l-poplu kollu Malti biex il-Jum tal-ħelsien mill-pandemija jasal kemm jista’ jkun malajr?

Dan huwa żmien diffiċli imma bis-saħħa tal-vaċċin bdejna naraw it-triq lejn normalità ġdida. Nafu li bħal 42 sena ilu l-ħaddiem huwa preokkupat dwar dan l-“għadu inviżibbli”, huwa preokkupat dwar il-futur tal-post tax-xogħol. F’dan iż-żmien nappella biex kulħadd jibqa’ jsegwi l-appelli mill-awtoritajiet tas-saħħa u nappella għall-kollaborazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna fejn għandu rwol importanti li jista’ jwaqqaf l-imxija ta’ dan il-virus.

Nemmen li dan il-virus ma jistax jiġi miġġieled fuq livell individwali, jeħtieġ sforz kollettiv. Is-soċjetà tagħna teħtieġ tkun dixxiplinata u s-segwi l-avviżi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Is-sitwazzjoni titlob responsabbiltà personali, sens ta’ dmir, tħassib għall-proxxmu. Ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna mhix biss li tipproteġi lilek innifsek imma li tipproteġi lil ħaddieħor. Flimkien, ċert li naslu bħalma wasalna fuq l-għolja ġewwa l-Birgu biex ksibna l-Ħelsien, anke llum flimkien niksbu l-Ħelsien mill-pandemija.