Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Is-sezzjoni tal-edukazzjoni fi ħdan il-GWU fiduċjuża fid-deċiżjonijiet ta’ rilaxx imħabbra

Wara sentejn sħaħ ta’ pandemija globali tal-Covid-19 li tulha ġew fis-seħħ għadd ta’ restrizzjonijiet u ttieħdu diversi miżuri, pajjiżna qiegħed bil-mod il-mod jerġa’ lura għan-normalità. Dan grazzi għall-fatt li s-sitwazzjoni lokali tinsab taħt kontroll. Waħda mill-miżuri rilaxxati lbieraħ tant mistennija, hija dik tal-użu tal-maskri mit-tfal fl-iskejjel tagħna. Din il-miżura li hija fost l-aħħar, iżda fost l-aktar importanti, biex ġew ikkontrollati l-każijiet ġodda tal-Covid-19 f’Malta. 

Dan ir-rilaxx tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, fejn qal li wara l-vaganzi tal-Għid mhux se jkun aktar obbligatorju li fl-iskejjel it-tfal jibqgħu bil-maskri. Ħafna ġenituri laqgħu din l-aħbar bi pjaċir b’mod speċjali issa ġej l-istaġun sħun tas-sajf u l-ilbies ta’ maskra għas-sigħat twal li t-tfal ikunu l-iskola, mhuwiex daqstant faċli.

Ir-rappreżentant tat-taqsima tal-edukazzjoni fi ħdan il-GWU, Gabriel Pullicino, qal li, “fil-passat kien hemm fiduċja fid-direttivi li ngħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa biex ikun mitigat it-tixrid tal-Covid-19. Issa li dawn il-miżuri qegħdin ikunu rilaxxati bil-mod il-mod. Aħna nestendu l-istess fiduċja lejn l-awtoritajiet għax nafu li qegħdin jagħmel dak kollu possibbli u bl-aħjar mod possibbli”.