Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Għaqda Pensjonanti, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

L-Għaqda Pensjonanti tal-GWU kontra l-miżata li żied l-HSBC

L-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-GWU tinsab maħsuda u ma taqbilx mal-piżijiet illi l-Banek qed jitfgħu fuq il-klijenti tagħhom speċjalment l-anzjani illi l-għajxien tagħhom jiddependi biss fuq il-pensjonijiet. L-HSBC qed tieħu ċertu deċiżjonijiet illi bihom qed titfa’ responsabbiltajiet bla bżonn fuq il-pubbliku inġenerali speċjalment l-anzjani.

L-Għaqda Pensjonanti tenfasizza illi l-awtoritajiet għandhom jintervjenu b’mod immedjat sabiex jikkontrollaw ċertu deċiżjonijiet li bihom jitfgħu piżijiet finanzjarji mhux biss fuq l-anzjani li għandhom dħul baxx ħafna però anke fuq il-bqija tal-pubbliku. Deċiżjonijiet bħal dawn huma daqqa ta’ stallet speċjalment fi żminijiet bħal dawn meta l-pandemija affettwat l-ekonomija b’mod drastiku u bosta industriji għadhom qegħdin jirkupraw bil-mod.

Fid-dawl ta’ dan kollu ġaladarba abbużi ta’ dan it-tip mill-HSBC ma jiqfux u l-awtoritajiet ma jiħdux il-passi neċessarji kontra dawn l-abbużi, l-Għaqda Pensjonanti se tirrakkomanda lil kull min għandu kontijiet f’dan il-Bank għandu jibda jfittex banek oħra.

Tony Zarb – Aġent Segretarju