Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Nużaw it-teknoloġija biex naħdmu flimkien kontra t-traffikar tal-bnedmin

Illum, 30 ta’ Lulju 2022 – id-data magħżula min-Nazzjonijiet Magħquda li ta’ kull sena tqajjem kuxjenza dwar it-traffikar tal-bnedmin. Hekk kif l-Għaqda Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tistma li madwar id-dinja hawn mal-25 miljun ruħ vittmi tat-traffikar, f’dan l-avveniment il-GWU tappella biex flimkien inqajmu kuxjenza u niffokaw biex inżidu l-prevenzjoni ta’ dan l-abbuż, billi ninkoraġġixxu l-viġilanza u niksbu appoġġ għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.

It-tema ta’ din is-sena tiffoka fuq ir-rwol tat-teknoloġija bħala għodda li tista’ kemm tippermetti kif ukoll timpedixxi t-traffikar tal-bnedmin. It-traffikar tal-bnedmin u l-iskjavitù moderna hija problema dinjija enormi bi ftit pajjiżi immuni.

Eluf ta’ rġiel, nisa u tfal jispiċċaw f’idejn it-traffikanti kull sena, ħafna drabi billi jiġu mqarrqa biex jemmnu li qed jittieħdu għal xogħol li se jtejjeb il-futur tal-familja tagħhom, jew permezz ta’ forza, ħtif, jew saħansitra permezz ta’ ħafna familji foqra li jbigħu t-tfal sabiex jgħixu. Hemm ħafna modi kif in-nies jinqabdu fit-traffikar, iżda r-riżultat huwa l-istess, jitilfu d-drittijiet u l-identità tagħhom u huma wżati u abbużati, u hija problema globali, industrija mhux wisq lura mid-droga u l-armi f’termini ta’ profitt għat-traffikanti.

In-nies traffikati huma sfurzati jaħdmu, xogħol iebes jew prostituzzjoni, , u ġeneralment jittihdulom l-identità u d-dokumenti tagħhom u jiġu mwissija b’pieni terribbli jekk jaħarbu. Hafna drabi dawn in-nies jispiccaw f’pajjiżi mhux familjari għalihom, fejn ma jafux il-lingwa u m’għandhomx mod kif jiksbu l-għajnuna. 

Bl-espansjoni globali fl-użu tat-teknoloġija – intensifikata mill-pandemija  u l-bidla fil-ħajja tagħna ghal aktar xoghol fuq il pjattaformi  qed joffri opportunita ghall aktar traffikar tal-bnedmin. L-internet u l-pjattaformi diġitali joffru lit-traffikanti bosta għodod biex jirreklutaw, jisfruttaw u jikkontrollaw il-vittmi, jirreklamaw il-vittmi, jilhqu klijenti u dan kollu fl-  anonimità. It-teknologija tippermetti lil dawn il-kriminali joperaw fuq skala internazzjonali.  

“Madankollu, fl-użu tat-teknoloġija tinsab ukoll opportunità kbira. Is-suċċess futur fil-qerda tat-traffikar tal-bnedmin se jiddependi fuq kif l-infurzar tal-liġi, is-sistemi tal-ġustizzja kriminali u oħrajn jistgħu jinfluwenzaw it-teknoloġija, inkluż billi jgħinu fl-investigazzjonijiet; it-tisħiħ tal-prosekuzzjonijiet permezz ta’ evidenza diġitali biex tittaffa s-sitwazzjoni tal-vittmi fi proċedimenti kriminali; u jipprovdu servizzi ta’ appoġġ. Attivitajiet dwar l-użu sikur tal-internet u l-midja soċjali jistgħu jgħinu biex jittaffa r-riskju li n-nies jisfaw vittmi tat-traffikar onlajn.,” tisħaq il-GWU.

Għat-tielet sena konsekuttiva, Malta ssieħbet fil-Blue Heart Campaign u qed twessa’ l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-fenomenu dinji tat-traffikar tal-bnedmin filwaqt illi se tkompli tikkollabora mal-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda fuq id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC).

Hawn Malta ġew organizzati serje ta’ attivitajiet għal aktar għarfien fost il-pubbliku dwar il-ġlieda nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin, kemm fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju lokali kif ukoll fuq is-siti elettroniċi u l-midja soċjali.