Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Sodisfatti bil-prattiki ġodda introdotti għall-uffiċjali pubbliċi fosthom il-miżura proposta mill-GWU

Il-General Workers’ Union tinsab sodisfatta bil-prattiki li s-Servizz Pubbliku se jsaħħaħ b’mod strutturat proprju mill-ġimgħa li ġejja. Il-prattiki tar-reduced hours, il-flexitime, il-flexi-week, u r-remote working. 

Il-GWU ħadet sehem b’mod attiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni li nieda l-Uffiċċju tas-Segretarju Permenanti Prinċipali. Hija tinnota wkoll li fost dawn il-prattiki hemm proprju l-kunċett tal-flexi-week. 

Miżura li oriġinarjament kienet proposta mill-GWU s-sena l-oħra u li qed tiġi aċċettata u se tiġi prattikata. Permezz ta’ din il-miżura introdotta fost il-prattiċi moderni oħra ta’ xogħol fi ħdan is-servizz pubbliku, uffiċjali pubbliċi jistgħu jitolbu li jqassmu l-40 siegħa ta’ xogħol fuq erba’ jew sitt ijiem fil-ġimgħa. Dejjem għażla tal-uffiċjali pubbliċi u jekk il-kundizzjonijiet jippermettu. 

“Bħalma dejjem nisħqu permezz ta’ miżuri bħal dawn il-ħaddiema se jingħataw aktar flessibbiltà għal bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol f’pajjiżna. Dan is-sens ta’ fiduċja u għajnuna b’inqas burokrazija li se tingħata lill-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku, għandha tassigura li tissarraf f’aktar rispons pożittiv min-naħa tal-ħaddiema,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja. “Issa nistennew li tali kunċetti jiġu addottati anke mis-settur privat, dejjem jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu u fuq talba tal-ħaddiem,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali.