Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tisħaq dwar ir-rispett u r-rikonoxximent lejn l-anzjani fil-jum internazzjonali tagħhom

Illum niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani. In-Nazzjonijiet Magħquda qed timmarka din il-ġurnata speċjali billi tħeġġeġ lill-pajjiżi biex jiġbdu l-attenzjoni u jisfidaw l-isterjotipi negattivi u l-kunċetti żbaljati dwar l-anzjani u x-xjuħija, u biex jippermettu lill-persuni anzjani jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom.

Dan il-jum li ntgħażel waqt Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ottubru tal-1990 għandu l-iskop li jiżdied l-għarfien dwar l-impatt li jkollok popolazzjoni li qed tixjieħ. Irridu li n-nies fis-soċjetà jkunu jistgħu jixjieħu b’dinjità. Minbarra l-affarijiet meraviljużi li l-anzjani jġibu f’ħajjitna, ġurnata mwarrba biex tonorahom tfakkarna biex nieħdu l-ħin biex inkunu ġentili u umli fil-preżenza ta’ ħajja twila li ngħixuha tajjeb.

L-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers’ Union issellem lill-anzjani kollha f’dan il-jum dedikat lilhom u titlob li l-anzjani jingħataw id-dinjità u r-rispett kollu bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom matul iż-żminijiet.

Intant filwaqt li hu ta’ ħtieġa li nissalvagwardjaw saħħet l-anzjani tagħna, daqstant ieħor importanti s-sehem tal-anzjani nfushom fil-prevenzjoni u billi jitħejjew tajjeb biex jaffaċċjaw l-isfidi madwarhom.

Dan l-istess jum ipoġġi fil-lenti wkoll is-sehem imprezzabbli tal-ħaddiema kollha ta’ kull grad u professjoni li jaħdmu fis-setturi kollha tal-kura soċjali u tas-saħħa li huma essenzjali biex il-persuni ta’ età avvanzata jkollhom l-aqwa kwalità tal-ħajja.