Written by Aħbarijiet, Artikli, Għaqda Pensjonanti, Il-Union

Aktar ħidma b’risq l-Anzjani

GWU – Għaqda Pensjonanti tibqa’ għas-servizz tiegħek ukoll fil-pandemija. Dan huwa mod kif il-membri u l-anzjani jistgħu jieħdu servizz waqt il-pandemija. L-Għaqda se tkun qiegħda taġġorna dan is-servizz minn żmien għal żmien skont id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa. L-Għaqda hija kommessa li tibqa’ tagħti l-aħjar servizz ukoll waqt il-pandemija.

Ċempel jew ibgħat SMS fuq 99423191. Email. [email protected]. Ċempel ukoll għal appuntament fuq 25679234 / 25679200 fil-ħin tal-uffiċċju.

Ħidma mill-Għaqda

Barra mill-ħidma biex nagħtu l-aħjar servizz lill-membri, bħalissa fl-Għaqda għaddejjin biex inħejju għall-Konferenza Ġenerali tal-Għaqda li l-ħsieb hu li ssir aktar tard din is-sena, sakemm iċ-ċirkustanzi jippermettu.

Matul il-Konferenza mhux biss jiġi ppreżentat ir-rapport ta’ ħidma tal-Għaqda imma wkoll jiġu maħtura l-uffiċjali tal-Għaqda u l-membri tal-Kumitat kif ukoll id-Delegati għaż-żmien li ġej. Biex issir il-Konferenza jinħtieġ ħafna xogħol ta’ preparamenti. Bħalissa filwaqt li bħala Amministrazzjoni qed infasslu d-data biex naslu sal-konferenza, inbeda x-xogħol biex jitlestew id-dokumenti li se jiġu mressqa fil-Konferenza. Fosthom hemm ir-Rapport Amministrattiv li ħadem fuqu l-Assistent Segretarju Joe Sapiano bil-koperazzjoni ta’ Salv Sammut li jieħu ħsieb l-uffiċċju tal-Għaqda kif ukoll ir-rapport Finanzjarju li jiġi mħejji mill-Kaxxier tal-Għaqda Frans Grech.

Min-naħa tal-Għaqda se tkompli żżomm lill-membri aġġornati dwar il-Konferenza wkoll fost oħrajn f’din il-paġna.

Tkompli l-ħidma mal-Banek

L-Għaqda Pensjonanti tibqa’ tkun protagonista wkoll fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi li qed jagħtu l-Banek speċjalment lill-anzjani.Tajjeb li wieħed ifakkar li l-Għaqda kienet l-uniku Għaqda li rreżistit it-tariffi li l-Banek riedu jitfgħu fuq l-anzjani, liema reżistenza ħalliet il-frott għax filwaqt li l- Bank HSBC irreveda it-tariffi, min-naħa tiegħu l-Bank BOV issospenda t-tariffi fuq il-kontijiet.

Dan ma jfissirx li l-ħidma tal-Għaqda fejn għandhom x’jaqsmu l-Banek se tieqaf hawn. Żgur li LE! Iżda l-Għaqda se tkun qiegħda fuq quddiem nett biex tiddefendi lill-anzjani u lill-pensjonanti mal-Banek. Ikun tajjeb li l l-anzjani jibqgħu jiftakru li kienet BISS l-Għaqda Pensjonanti tal-GWU li kienet u se tibqa’ tkun it-tarka għall-anzjani u għall-pensjonanti wkoll mal-Banek.

Il-Liġi tal-Privatezza

Huwa fl-obbligu tal-Għaqda Pensjonanti li timxi mal-Liġi. Tajjeb li kulħadd ikun infurmat li bħala Għaqda mhux permess bil-liġi li titkellem f’isem xi ħadd jekk ma jkollhiex l-awtorizzazzjoni tal-individwu u proprju għalhekk li dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna tal-Għaqda jrid ikun membru għax jekk wieħed ikun membru qed jagħti awtomatikament awtorizzazzjoni tiegħu biex l-Għaqda tkun tista’ titkellem f’ismu jew f’isimha.

Mill-Istorja tal-Għaqda

Illum se nkomplu nfakkru l-proposti li l-Għaqda għamlet żmien ilu u li llum uħud minnhom ġew imwettqa u li bihom qegħdin igawdu l-anzjani. Dan juri biċ-ċar kemm l-Għaqda Pensjonanti hija Għaqda progressiva. Bejn is-snin 1991 u 1993, l-Għaqda ressqet dawn it-talbiet.

  • Iż-żmien li għamlu dawk fil-Korpi Paramilitari u Parastali għandu jkun jgħodd bħala servizz regolari mal-Gvern.
  • In-Noll tal-Vapur ta’ Għawdex ikun issussidjat għall-anzjani.
  • Li l-pensjonanti li rtiraw qabel is-sena 1979 għandhom jingħataw eżenzjoni tad-due terzi bħal dawk ta’ wara 1979.
  • Li tiġi introdotta Senior Citizen Scheme biex l-anzjani jingħataw roħs adekwat għax servizzi wżati mill-anzjani.

Fil-ħarġa li jmiss se nkomplu nfakkru aktar proposti li ħarġet l-Għaqda Pensjonanti biex ukoll l-anzjani tal-lum jibqgħu jiġu mfakkra bil-proposti li għamlet l-Għaqda matul iż-żmien.