Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Studenti jtemmu l-apprentistat tagħhom mal-GWU

Erba’ żgħażagħ temmew apprentistat ta’ 19-il xahar mal-General Workers Union. Huma tħarrġu fir-relazzjonijiet industrijali partikolarment fix-xogħol trejdunjonistiku b’enfasi fuq kif isir in-negozjar kollettiv fil-qafas tar-relezzjonijiet industrijali diċentralizzati f’pajjiżna.

Iż-żgħażagħ huma studenti tal-MCAST. Tlieta minnhom, Winston Zahra, Luke Farrugia u Mariah Rapinett tħarrġu fir-rwol ta’ ‘Junior Secretaries’ filwaqt li Chanel Azzopardi tħarrġet bħal Junior Marketing Officer’.

L-apprentistat tagħhom beda fir-Frar tas-sena l-oħra u ntemm ilbieraħ fejn matul ix-xhur tax-xitwa attendew għal jumejn ta’ taħriġ fil-ġimgħa filwaqt li fis-sajf it-taħriġ ingħatalhom kuljum.

F’kummenti li taw l-istudenti, ilkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-għajnuna li dejjem sabu mis-Segretarji tat-Taqsimiet fejn ħadmu u anke mill-amministrazzjoni tal-union. 

Sostnew li din l-esperjenza għallmithom ħafna u rringrazzjaw lil dawk kollha li fdaw fihom matul ix-xhur tal-apprentistat tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja sostna li bħala GWU ilhom għal dawn l-aħħar snin joffru din l-esperjenza lill-istudenti. Enfasizza li “huwa ta’ privileġġ għalina li nħajru aktar studenti lejn it-trejdunjoniżmu u nuruhom li anke fil-GWU jista’ jkollhom karriera. Hawn nagħtuhom l-għodda u l-kompetenzi kollha neċessarji ta’ kif taħdem trejdunjin kemm bħala struttura interna u anke fuq il-postijiet tax-xogħol li nirrappreżentaw.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin spjega kif din l-esperjenza tgħin lil dawn iż-żgħażagħ sabiex ikunu ppreparati għal meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. 

Fl-istess waqt, tgħinhom ukoll jitgħallmu aktar dwar x’inhuma d-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema, bl-uffiċjali tal-union jiggwidawhom għall-futur tagħhom. “Inħarsu ‘l quddiem biex nilqgħu aktar studenti apprentisti magħna,” tenna s-Segretarju Bondin.