Written by Blog, Pensioners Union, The Union

Il-GWU u l-Pensjonanti

X’inhu l-irwol tal-General Workers’ Union?

Sa mit-twaqqif tagħha l-għan ewlieni tal-General Workers’ Union kien li tgħin lill-ħaddiema membri tagħha f’kull industrija madwar Malta u Għawdex. Matul dawn is-snin kollha l-Union baqgħet dejjem tkabbar il-fiduċja tagħha mal-membri minħabba illi baqgħet dejjem tevolvi maż-żminijiet u mad-dinja tax-xogħol. Il-GWU dejjem tkun minn tal-ewwel biex tressaq proposti ġodda favur il-membri lill-gvernijiet u tibqa’ taħdem sakemm il-ftehim aħħari jkun dejjem l-aħjar possibbli.

Bħala l-akbar Għaqda tal-ħaddiema u minħabba li matul is-snin ħafna membri filwaqt li baqgħu jagħtu kuntribut baqgħu membri sal-età tal-irtirar, il-GWU ħasset illi dawn l-individwi ma għandhomx jiġu abbandunati fl-iżjed żminijiet li jista’ jkollhom bżonn għajnuna. Il-pensjonanti jkunu għamlu mill-anqas 30 sena jagħtu servizz lis-soċjetà irrelevanti x-xogħol li kellhom u lanqas ħaġa li nistgħu nagħtuhom lura huwa s-sapport tagħna ġaladarba jkollhom bżonn, b’hekk il-GWU ħasset illi għandha tibqa’ tilqa’ lill-pensjonanti bħala membri tagħha u fl-1987 il-GWU waqqfet L-Għaqda tal-Pensjonanti bit-tir illi ttejjeb il-livell ta’ ħajjithom.

Għaliex il-GWU hija l-aħjar Union għall-pensjonanti u x’inhuma l-benefiċċji illi tkun membru?

Il-GWU hija storja ta’ suċċess minħabba illi baqgħet dejjem miexja maż-żminijiet u minn dejjem qieset lil kulħadd indaqs inkluż il-pensjonanti. Il-GWU ilha involuta fit-trejdunjoniżmu kważi 80 sena. Is-snin twal ta’ esperjenza tagħmilha f’pożizzjoni tajba ħafna u tgħin biex flimkien mal-Għaqda tal-Pensjonanti b’mod attiv tgħaddi proposti ġodda lill-gvernijiet għall-baġit. Il-GWU fil-ħsieb u fil-proposti tagħha tara illi l-pensjonanti jibqgħu jgawdu mill-benefiċċji illi jingħataw lill-ħaddiema. Apparti minn hekk b’mod regolari jaħdmu kontinwament fuq l-isfidi u t-talbiet tal-anzjani membri. Dan il-proċess isir kemm mal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, mal-Ministeri u l-Awtoritajiet konċernati. Il-ħsieb aħħari tagħna hu li l-anzjani tagħna jibqgħu attivi fis-soċjetà u l-esperjenzi professjonali tagħhom ma jintilfux. Il-mira ta’ din l-Għaqda hija biex ittejjeb il-livell tal-ħajja tal-pensjonanti residenti Malta. Apparti minn hekk ġenerazzjoni wara oħra ta’ pensjonanti komplew iġeddu l-ħidma tal-Għaqda tal-Pensjonanti biex iżommu dejjem ruħhom aġġornati maż-żminijiet u l-Union dejjem għarfet tappoġġjahom.

X’inhuma l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-pensjonanti fil-ħajja ta’ kuljum?

Pensjonant irid jgħix fuq il-pensjoni illi l-biċċa l-kbira tintefaq fuq ikel, kontijiet u trattamenti mediċi. Mill-banda l-oħra l-ħajja tibqa’ dejjem togħla u ssir iżjed diffiċli għall-pensjonant. Minħabba l-ħajja mgħaġla li qed ngħixu ħafna drabi l-anzjani jbatu mis-solitudni. Jekk nieħdu s-sitwazzjoni ta’ bħalissa ħafna anzjani qed iħossu l-firda mal-kumplament tal-familji tagħhom. Il-ħsieb u l-għan tal-għaqda dejjem kien li l-GWU tibqa’ dar fejn dawn l-anzjani jkomplu jagħtu kontribut għat-titjib ta’ soċjetà Maltija. Ħafna anzjani għandhom kontribut kbir x’jagħtu lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għalihom u pensjonanti oħra. Ħafna pensjonanti jħossuhom frustrati illi wara snin twal ta’ xogħol ħafna nies jaħsbu li ma fadlilhomx potenzjal. Hawnhekk huwa fejn tidħol il-GWU. Hija żżomm dejjem ruħha aġġornata fuq il-politika tal-anzjanità attiva u pensjonijiet.