Written by Blog, Hospitality & Food, The Union

GWU – Taqsima Ospitalità u Ikel

It-Taqsima Ospitalità u Ikel hija waħda minn tmien taqsimijiet tal-GWU.  Din it-taqsima tipproteġi u tirrappreżenta ħaddiema membri tal-GWU impjegati ma’ firxa wiesgħa ta’ setturi. Din is-sezzjoni tgawdi mir-rikonoxximent u tiġbor fija membri minn diversi postijiet tax-xogħol relatati mal-istess industrija;

  • Ħaddiema li jaħdmu fil-lukandi bħal Hilton, Dolmen, Corinthia Group u ħafna oħrajn 
  • Kumpaniji li jimmanifatturaw xorb anke dak alkoħoliku bħal Farsons, General Soft Drinks u Foster Clark Products
  • Kumpaniji li jimmanifatturaw ikel minn prodotti agrikoli bħal Malta Dairy Products, Marsovin, Federeated Mills u Delicata
  • Importaturi u distributuri tal-ikel u xorb bħal Quintano Foods ltd
  • Manifattura tal-għalf għall-annimali bħal Andrews Feeds u KPH
  • Ħaddiema mhux edukaturi fil-maġġoranza assoluta tal-kulleġġi tal-Knisja u kulleġġi tal-Gvern 
  • Kumpaniji fil-qasam tad-divertiment bħal Teatru Manoel u Kitchen Garden 
  • Ħaddiema tal-kuntrattur bħal Ozo Group, Servizzi Malta u SG Cleaners
  • Entitajiet tal-Gvern bħal; Kordin, Grain Terminal u l-impjanti kollha ta’ Wasteserv

Rikonoxximent, x’inhu u kif jaħdem? 

  • Meta organizzazzjoni jkollha l-maġġoranza tal-ħaddiema membri mal-GWU (50% +1) il-Union tikseb rikonoxximent uffiċjali mid-DIER.

Wara li l-Union tiġi rikonuxxata;

  • Jinħatru r-rappreżentanti tal-ħaddiema
  • Is-segretarju tat-Taqsima jiltaqa’ man-nies u jibda jindirizza l-ilmenti u jressaq proposti għat-titjieb tal-kundizzjonijiet fuq il-post ta’ xogħol
  • Jibda nnegozjar dwar il-ftehim kollettiv li fih jiġbor id-drittijiet u r-responsabbilitajiet tal-ħaddiema
  • Wara li jingħalaq il-proċess ta’ diskussjoni, is-Segretarju tat-Taqsima jitlob l-approvazzjoni tal-Ftehim
  • Iżomm djalogu kontinwu u kostanti bejn il-membri u t-tmexxija tal-post tax-xogħol
  • It-taqsima tkun preżenti meta jiġu proposti sensji u/jew trasferimenti kif ukoll tippreżenta u tiddefendi l-akkużat minn miżuri dixxiplinari

Il-Union taqbeż għall-ħaddiem anke fuq bażi individwali però ma tkunx tista’ tgħin meta l-membri jkollhom problemi li jkunu ġraw qabel ikunu ssieħbu mal-Union u f’sitwazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mar-relazzjonijiet industrijali bħal fil-każijiet li jkun hemm suspett ta’ xi azzjoni kriminali.

X’tagħmel il-GWU – Ospitalità u Ikel 

Dak kollu li għandek tkun taf dwar it-Taqsima 

Din it-taqsima ġiet imwaqqfa meta l-industrija tat-turiżmu f’Malta kienet għadha qed tikber. Illum il-ġurnata tirrappreżenta l-maġġoranza l-kbira tal-postijiet tal-ospitalità, divertiment u manifattura tal-ikel f’Malta u Għawdex. Din it-Taqsima tgawdi wkoll rikonoxximent fil-lukandi prinċipali kollha ta’ pajjiżna, ristoranti u f’kumpaniji li jipproduċu ikel għall-esportazzjoni.  

Hija l-unika taqsima li għandha punt ta’ kuntatt  għal diversi NGOs u organizzazzjonijiet  fosthom UNCHR u JRS fejn magħhom jiġu kkordinati diversi proġetti u hija l-punt ta’ riferiment ewlieni fejn jidħlu relazzjonijiet industrijali. 

It-Taqsima tal-Ospitalità u ikel għandha relazzjoni ma’ diversi komunitajiet fosthom il-komunitijiet Nepaliża, Filippina, Sudaniża, Sirjana u Pakistana. Taqsima li taħdem kemm mal-assoċjazzjonijiet uffiċjali li huma għandhom u kif ukoll fuq bażi individwali ma’ ħaddiema li jippartjenu lil dawn il-komunitajiet fosthom fuq il-proċedura ferm burokratika tas-single work permit li hija mmaniġjata mill-entità Identity Malta. 

Din it-taqsima kienet il-moħħ biex il-GWU tniedi il-pożizzjoni tagħha fuq suġġetti bħall-prostituzzjoni u ħaddiema mmigranti. Dan seħħ wara diversi laqgħat mal-istakeholders prinċipali. Bħalissa qed taħdem fuq il-proġett tal-Living Income mal-Anti-Poverty Forum. Apparti minn hekk hija affiljata ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fejn tirrappreżenta ħaddiema Maltin fil-European Federation of Food, Agriculture and Tourism Trade Unions (EFFAT). Fuq livell dinji hija affiljata fl-International Union of Food, Agricultural, Hotel, Restaurant, Catering, Tobacco and Allied Workers’ Associations (IUF). Dawn l-organizzazzjonijiet huma attivi u jirrikjedu impenn kontinwu biex il-Union iżżomm ruħha aġġornata u tagħti l-kontribut tagħha f’isem Malta. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel  

Kevin Abela beda jkun attiv fil-qasam trejdunjonistiku fl-1997. Kien hawn li ntagħżel mill-kollegi tiegħu biex ikun wieħed mir-rappreżentanti tagħhom tal-GWU u eventwalment kien inħatar bħala shop steward. F’dan il-perjodu kien ukoll membru fl-Eżekuttiv tat-Taqsima. F’Novembru tal-2020 ingħaqad mal-GWU bħala Assistant Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, imbagħad kien f’Jannar tal-2023 li waqt Konferenza Straordinarja tas-Sezzjoni inħatar Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel.

Sfidi ewlenin 

  • Il-firxa wiesgħa tas-setturi li tirrappreżenta għaliex trid iżżomm aġġornata fuq l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu f’kull settur biex dejjem toffri servizz effiċjenti u kompetenti. Fl-istess ħin huwa l-punt ta’ saħħa għax tikseb esperjenzi minn setturi totalment differenti li jgħinuha tkun aktar effettiva u relevanti.  Pressjoni minħabba volum kbir ta’ ftehim kolletivi 
  • Numru ta’ talbiet individwali varji 
  • Tipprova tkun aċċessibbli għall-ħaddiema kemm bi preżenza fiżika fuq il-postijiet tax-xogħol u permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni attwali prinċipalment mobile u pjattaformi diġitali eżistenti
  • Language barriers li nippruvaw negħlbu permezz tal-kordinament li għandna ma’ diversi komunitajiet
  • Nikkordinaw ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ bażiku biex il-ħaddiema jkunu preparati kif għandhom jimxu mal-proċeduri u għaldaqstant kemm jista’ jkun jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ inkonvenjenza li għal dawn il-ħaddiema tista’ tfisser li jridu jitilqu mill-pajjiż minħabba l-permess tax-xogħol tagħhom