Il-General Workers’ Union ordnat azzjonijiet industrijali għall-care workers imsieħba tagħha u li huma impjegati tal-kumpanija Healthmark, wara li din il-kumpanija u l-Ministeru tas-Saħħa naqsu milli jipprovdu ħinijiet tax-xogħol ġusti għal dawn il-ħaddiema. Dan minkejja li l-Ministru tas-Saħħa f’laqgħa mal-GWU fehem is-sitwazzjoni u wera r-rieda li din tkun indirizzata. L-azzjonijiet ikopru l-oqsma kollha tas-servizz tas-saħħa tal-gvern fejn hemm il-preżenza tal-kumpanija Healthmark.
Is-Segretarju tat-taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin qal li permezz tad-direttivi mgħotija mill-Union, il-ħaddiema involuti mhux se jwettqu l-ħasil u l-frix tas-sodod, kif ukoll mhux se jagħmlu xogħolijiet li mhumiex fis-swali lilhom assenjati. Tenna li jekk sa nhar it-Tnejn 4 ta’ Novembru l-Ministeru tas-Saħħa u l-kumpanija Healthmark jibqgħu jinjoraw it-talbiet tal-Union biex dawn il-ħinijiet ikunu aġġustati, dawn l-azzjonijiet se jidħlu fis-seħħ kif skedat.
Bondin saħaq li mhux aċċettabbli li filwaqt li quddiem id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg il-Ministeru tas-Saħħa qabel li jipproponi ħinijiet ġodda, dan baqa ma sarx. Qal li l-ħaddiema ta’ Healthmark fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru tas-Saħħa ma jistgħux jibqgħu jaħdmu ġranet addizzjonali minħabba l-mod kif inhuma l-ħinijiet tax-xogħol mgħotija lilhom: “Ma jistax ikun hemm sitwazzjoni fejn ikollok ħaddiema tal-ewwel u tat-tieni klassi.”
Il-GWU tagħmilha ċara li fin-nuqqas li jintlaħaq qbil se tirrikori għall-aktar azzjonijiet biex tħares l-interessi tal-imsieħba tagħha.