Dak li jiġri fir-Russja jista’ jinħass fil-but tal-ħaddiem Malti… l-elezzjonijiet Russi, l-Ewropa, l-enerġija u l-futur tas-sussidji f’Malta

15 Sep 2026 - Aħbarijiet | Artikli | Dinja u Kronika | Ekonomija | Home | Kummerċ | Politika

Dak li jiġri fir-Russja jista’ jinħass fil-but tal-ħaddiem Malti… l-elezzjonijiet Russi, l-Ewropa, l-enerġija u l-futur tas-sussidji f’Malta

il-President tal-GWU – Jason Deguara

Fit-18, 19 u 20 ta’ Settembru se jsiru l-elezzjonijiet għall-Parlament Russu, id-Duma tal-Istat. Għalkemm dawn mhumiex elezzjonijiet Presidenzjali, ir-riżultat tagħhom se jkun importanti biex nifhmu x’burdata teżisti fir-Russja u, fuq kollox, x’inhu l-messaġġ politiku li l-Kremlin jista’ joħroġ minn dan il-proċess elettorali. Għal ħafna jista’ jidher li din hija kwistjoni ’l bogħod ħafna minn Malta, iżda f’dinja fejn il-gwerra, l-enerġija, l-ekonomija u l-politika internazzjonali huma marbuta ma’ xulxin, dak li jiġri f’Moska jista’ eventwalment jinħass ukoll fi Brussell u wara, fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji u l-ħaddiema Maltin.

Ir-Russja u l-futur tal-Ewropa

Ir-Russja għadha involuta fil-gwerra fl-Ukrajna u l-elezzjoni qed issir f’ċirkostanzi kompletament differenti minn elezzjoni normali. Il-kwistjoni mhijiex biss min se jikseb il-maġġoranza fil-Parlament Russu, iżda kemm il-Kremlin se jqis ir-riżultat bħala konferma tal-politika tiegħu. Jekk ir-riżultat jiġi interpretat bħala appoġġ qawwi għall-politika attwali, jista’ jkun hemm inqas pressjoni interna biex tinbidel id-direzzjoni tal-gwerra. Min-naħa l-oħra, kwalunkwe sinjal ta’ għejja jew ta’ tħassib fost il-popolazzjoni Russa jista’ jkun element importanti li wieħed għandu jsegwi. Għalhekk il-ġranet ta’ madwar l-elezzjoni għandhom jiġu osservati mhux biss għall-persentaġġi u s-siġġijiet parlamentari, iżda wkoll għall-konsegwenzi politiċi u ekonomiċi tagħhom.

Il-problema hi li l-Ewropa diġà tinsab f’pożizzjoni ekonomika delikata. Ma nistgħux ngħidu li l-Unjoni Ewropea tinsab formalment f’reċessjoni iżda lanqas ma nistgħu ninjoraw it-tkabbir dgħajjef u l-inċertezza li qed jiffaċċjaw ħafna mill-ekonomiji Ewropej. Il-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew juru tkabbir modest għaż-żona ewro filwaqt li l-inflazzjoni u l-ispejjeż għoljin tal-enerġija jibqgħu sfidi importanti. Dan kollu qed jiġri f’mument fejn il-familji diġà qed iħossu pressjoni fuq il-baġits tagħhom u fejn in-negozji qed jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali dejjem aktar qawwija.

Għall-ħaddiem, il-kelma “tkabbir ekonomiku” waħedha ma tfissirx ħafna jekk ma tinbidilx fil-kwalità tal-ħajja. Dak li jinteressah huwa kemm jiswa l-ikel, kemm jiswa biex jimla l-karozza, kemm iħallas għall-enerġija u kemm jibqa’ fl-aħħar tax-xahar wara li jkun ħallas il-kontijiet. L-ekonomija tista’ tkun qed tikber fuq il-karta iżda jekk il-pagi ma jlaħħqux mal-għoli tal-ħajja, il-ħaddiem xorta waħda jħoss li qed imur lura. Din hija r-raġuni għaliex kull żieda ġdida fil-prezzijiet tal-enerġija għandha tiġi analizzata wkoll mill-perspettiva soċjali u mhux biss minn dik ekonomika.

L-enerġija: mir-Russja għal but il-familja Maltija

Hawnhekk tidħol ir-rabta diretta bejn dak li jiġri fir-Russja, dak li jiġri fl-Ewropa u dak li jiġri f’Malta. Kwalunkwe eskalazzjoni fil-gwerra jew instabbiltà akbar fis-swieq internazzjonali tista’ tpoġġi pressjoni fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Meta l-enerġija tiswa aktar, l-effett ma jibqax limitat għall-kont tad-dawl jew għall-prezz tal-fjuwil. L-ispiża tat-trasport tiżdied, l-ispiża tal-produzzjoni tiżdied, il-loġistika tiswa aktar u n-negozji jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż akbar. Eventwalment, parti minn dan il-piż tista’ tgħaddi għall-konsumatur permezz ta’ prezzijiet ogħla.

Malta, bħala ekonomija żgħira u miftuħa, ma tistax tikkontrolla dak li jiġri fis-swieq internazzjonali. Ma nistgħux nikkontrollaw il-prezz internazzjonali taż-żejt, ma nistgħux nikkontrollaw gwerer li jseħħu eluf ta’ kilometri ’l bogħod u ma nistgħux niddeterminaw waħedna x’se jiġri fis-swieq Ewropej. Dak li nistgħu nagħmlu huwa li nippreparaw ruħna u jkollna l-politiki meħtieġa biex nipproteġu lill-poplu tagħna meta jkun hemm xokkijiet internazzjonali.

Għalhekk, is-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwil għandhom importanza kbira. Ħafna drabi d-diskussjoni dwar is-sussidji titħalla ssir biss fuq kemm jiswew lill-Gvern. Naturalment din hija konsiderazzjoni importanti. Il-finanzi pubbliċi għandhom ikunu sostenibbli u kull ewro li joħroġ mill-kaxxa pubblika għandu jiġi kkunsidrat b’responsabbiltà. Iżda rridu nħarsu wkoll lejn in-naħa l-oħra tal-munita. Għandna nistaqsu kemm tiswielna jekk ma jkollniex dawn il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni meta l-prezzijiet internazzjonali jitilgħu b’mod qawwi.

Għall-familja li diġà qed tħallas kera jew self, ikel, trasport, edukazzjoni u spejjeż oħra ta’ kuljum, żieda kbira fil-prezz tal-enerġija tista’ tfisser li f’daqqa waħda l-baġit tagħha ma jibqax ilaħħaq. Għal ħaddiem li għandu bżonn il-karozza biex imur għax-xogħol, żieda fil-prezz tal-fjuwil mhijiex sempliċement statistika ekonomika. Hija spiża diretta li trid titħallas.

Is-sussidji: protezzjoni għall-ħaddiem, iżda bi spiża għall-pajjiż

Huwa għalhekk li kruċjali li nħarsu lejn is-sussidji bħala parti minn politika usa’ ta’ protezzjoni ekonomika u soċjali. Is-sussidju ma għandux jitqies biss bħala spiża. F’ċirkostanzi ta’ kriżi, jista’ jkun għodda biex il-pajjiż iżomm l-istabbiltà, jipproteġi l-poter tal-akkwist u jipprevjeni li xokk internazzjonali jinbidel fi kriżi soċjali domestika.

Fl-istess ħin irridu nkunu onesti. Is-sussidji għandhom spiża u din l-ispiża ma tistax tiġi injorata. Jekk il-prezzijiet internazzjonali jibqgħu għoljin għal perjodu twil, il-piż fuq il-finanzi pubbliċi jikber. Jekk fl-istess waqt it-tkabbir ekonomiku Ewropew ikun dgħajjef, l-isfida ssir saħansitra akbar. Jekk id-dħul tal-Gvern ma jikberx bl-istess ritmu tal-ispejjeż, ikun hemm bżonn ta’ aktar prudenza u ppjanar.

Din hija r-raġuni għaliex ma għandniex nistennew li kriżi ġdida tfaqqa’ qabel nibdew naħsbu dwarha. Irridu nistaqsu minn issa jekk il-pajjiż għandux biżżejjed spazju fiskali biex ikompli jipproteġi lill-familji f’każ ta’ xokk ġdid fl-enerġija. Irridu nistaqsu jekk is-sistema attwali hijiex sostenibbli fuq medda twila. U rridu nistaqsu x’investiment hemm bżonn biex Malta tkun inqas esposta għal żidiet internazzjonali fil-prezzijiet.

Ma rridux insibu ruħna f’sitwazzjoni fejn wara li l-familji jkunu draw ċertu livell ta’ protezzjoni, kriżi ġdida ġġiegħel lill-pajjiż jieħu deċiżjonijiet f’daqqa u diffiċli. L-aħjar politika hija dik li tipprepara minn qabel u mhux dik li tirreaġixxi meta l-problema tkun diġà quddiemna.

F’kull kriżi, il-ħaddiem għandu jiġi l-ewwel

Din mhijiex diskussjoni biss dwar il-finanzi pubbliċi. Hija diskussjoni dwar il-ħaddiem. Jekk inħallu l-prezzijiet tal-enerġija jogħlew bla kontroll, il-piż eventwalment jasal għand il-familja. Jekk l-inflazzjoni terġa’ taċċellera, il-ħaddiema jkollhom bżonn aktar protezzjoni fil-pagi. Jekk in-negozji jiffaċċjaw spejjeż ogħla, ikunu taħt aktar pressjoni biex iżommu l-kompetittività tagħhom. U jekk l-ekonomija Ewropea tidħol f’perjodu ta’ staġnar jew reċessjoni, l-impjiegi u l-investiment jistgħu wkoll jiġu taħt pressjoni.

Din hija r-raġuni għaliex il-protezzjoni tal-ħaddiem għandha tkun fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet kollha. Ma nistgħux ngħidu lill-ħaddiem li l-prezz internazzjonali tal-enerġija huwa problema tiegħu. Ma nistgħux ngħidu lill-familja li għandha terfa’ waħedha l-konsegwenzi ta’ gwerra li ma ħolqotx. U lanqas ma nistgħu nistennew li n-negozji jassorbu indefinittivament żidiet fl-ispejjeż mingħajr konsegwenzi fuq il-kompetittività u l-impjiegi.

Dan ma jfissirx li kull problema għandha tissolva b’sussidju. Ifisser li l-Istat għandu jkollu l-għodod meħtieġa biex jintervjeni meta jkun hemm xokk straordinarju u biex jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli. Fl-istess ħin, għandna ninvestu f’soluzzjonijiet li jagħmlu lil Malta aktar reżiljenti fit-tul. Enerġija rinnovabbli, effiċjenza enerġetika, investiment f’infrastruttura u tnaqqis tad-dipendenza fuq sorsi esterni għandhom ikunu parti minn strateġija nazzjonali li ma tibdiex biss meta jkun hemm kriżi.

L-Ewropa wkoll għandha bżonn politika ekonomika li tpoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru. Ma nistgħux nitkellmu biss dwar il-kompetittività mingħajr ma nitkellmu dwar l-ispiża tal-enerġija għall-familji u għan-negozji. Ma nistgħux nitkellmu biss dwar id-dixxiplina fiskali mingħajr ma nikkunsidraw l-ispiża soċjali ta’ nuqqas ta’ protezzjoni. U ma nistgħux nitkellmu dwar tkabbir ekonomiku jekk il-benefiċċji tiegħu ma jaslux għand il-ħaddiema.

L-Ewropa għandha bżonn investiment fl-enerġija, fl-industrija u fl-infrastruttura, iżda għandha bżonn ukoll politika soċjali b’saħħitha. Il-kompetittività u l-ġustizzja soċjali mhumiex għedewwa ta’ xulxin. Ekonomija Ewropea b’saħħitha teħtieġ ħaddiema b’poter ta’ akkwist u familji li jħossuhom siguri.

Għal Malta, dan ifisser li rridu nkomplu naħdmu biex insaħħu l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi tagħna, filwaqt li nżommu l-protezzjoni tal-familji u tal-ħaddiema bħala prijorità. Ma nistgħux nikkontrollaw dak li jiġri f’Moska, iżda nistgħu niddeċiedu kif nippreparaw lil Malta għal dak li jista’ jiġri.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-elezzjonijiet Russi huma ferm aktar minn avveniment politiku li seħħ eluf ta’ kilometri ’l bogħod. Jistgħu jkunu sinjal dwar id-direzzjoni li se tieħu l-gwerra u dwar il-livell ta’ instabbiltà li għad jista’ jiffaċċja l-kontinent Ewropew. Jekk dik l-instabbiltà terġa’ tgħolli l-prezzijiet tal-enerġija u tkompli ddgħajjef it-tkabbir Ewropew, il-konsegwenzi jistgħu jaslu għandna wkoll.

Għalhekk irridu nkunu preparati. Irridu nħarsu lejn is-sussidji mhux biss bħala spiża, iżda bħala għodda ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u l-familji. Irridu nħarsu lejn l-enerġija bħala kwistjoni ekonomika u soċjali, mhux biss teknika. U rridu niżguraw li f’mument ta’ kriżi, min ikun l-aktar vulnerabbli ma jispiċċax iħallas l-ogħla prezz.

Bħala GWU, il-pożizzjoni tagħna hija ċara: fi żminijiet ta’ inċertezza, il-ħaddiem, il-pensjonant u l-familja għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika ekonomika tal-pajjiż u s-sussidji għandhom jibqgħu jkunu n-nifs tant meħtieġ.

Dak li jiġri f’Moska jista’ jinħass fi Brussell. Dak li jiġri fi Brussell jista’ jinħass f’Malta. U dak li jiġri fl-ekonomija jista’ eventwalment jinħass fil-but tal-ħaddiem Malti.

« Back