
𝐈𝐥-𝐆𝐖𝐔 𝐭𝐫𝐞𝐬𝐬𝐚𝐪 𝐢𝐥-𝐩𝐫𝐨𝐩𝐨𝐬𝐭𝐢 𝐭𝐚𝐠ħ𝐡𝐚 𝐠ħ𝐚𝐥𝐥-𝐁𝐮𝐝𝐠𝐞𝐭 𝟐𝟎𝟐𝟕
Il-General Workers’ Union (GWU) ressqet sensiela wiesgħa ta’ proposti għall-Budget 2027, b’enfasi fuq miżuri li jtejbu direttament il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom.
L-għan tal-GWU huwa ċar: li l-progress ekonomiku tal-pajjiż jissarraf f’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, aktar sigurtà u kwalità ta’ ħajja ogħla għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Fost lista wiesgħa ta’ proposti mressqa mill-GWU, uħud mill-proposti ewlenin huma:
1. Proġett pilota dwar ġimgħa tax-xogħol ta’ 32 siegħa
Il-GWU qed tipproponi t-tnedija ta’ proġett pilota, akkumpanjat minn studju, biex jiġi evalwat kif ġimgħa tax-xogħol ta’ 32 siegħa tista’ ttejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li tinżamm il-produttività.
2. Riforma fil-mekkaniżmu tal-COLA
Il-GWU qed tipproponi li l-COLA tingħata darbtejn fis-sena, f’Jannar u f’Ġunju, sabiex il-ħaddiema jibbenefikaw aktar fil-ħin mill-kumpens għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja u jitnaqqas id-dewmien bejn iż-żieda fil-prezzijiet u l-kumpens mogħti.
3. Qafas b’saħħtu għall-Intelliġenza Artifiċjali fuq il-post tax-xogħol
Il-GWU qed titlob qafas legali b’saħħtu li jirregola l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq il-post tax-xogħol, fuq mudell simili għal dak adottat fil-qasam tal-pjattaformi diġitali. Dan għandu jiżgura tranżizzjoni ġusta, trasparenza u protezzjoni tad-drittijiet, filwaqt li l-ħaddiema jibqgħu fiċ-ċentru tal-bidla teknoloġika.
4. Sussidji fuq l-enerġija b’mod aktar ġust
Il-GWU temmen li s-sussidji fuq l-enerġija għandhom jibqgħu fis-seħħ. Fl-istess waqt, għandu jibda jiġi esplorat mekkaniżmu li permezz tiegħu min għandu dħul aktar baxx u juża l-enerġija b’mod aktar responsabbli jkun jista’ jibbenefika aktar, filwaqt li jitħeġġeġ konsum aktar responsabbli u sostenibbli.
5. Aktar indipendenza enerġetika għall-familji
Qed jiġu proposti inċentivi aktar b’saħħithom għal dawk il-familji li jixtiequ jinvestu f’sistemi li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-grid nazzjonali u jagħmlu aktar użu minn sorsi ta’ enerġija nadifa.
6. Aktar housing affordabbli
Il-GWU qed titlob aktar miżuri u inċentivi li jagħmluha aktar possibbli għaż-żgħażagħ u l-familji li jixtru l-ewwel dar tagħhom. L-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli għandu jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
7. Politika aktar b’saħħitha għall-anzjanità attiva
Il-GWU qed tipproponi politika ta’ anzjanità attiva aktar inklussiva, flimkien ma’ sistemi ta’ appoġġ fil-komunità, sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti, sigur u dinjituż fil-komunità.
Dawn huma biss uħud mill-proposti li jiffurmaw parti mill-pakkett usa’ tal-GWU għall-Budget 2027. Il-Union temmen li l-Budget għandu jkompli jibni fuq il-progress ekonomiku tal-pajjiż, iżda fuq kollox għandu jiżgura li dan il-progress jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tal-ħaddiema, tal-familji, taż-żgħażagħ u tal-anzjani.
Għall-GWU, ekonomija b’saħħitha għandha tfisser ukoll ħaddiema u familji b’aktar sigurtà, opportunitajiet u kwalità ta’ ħajja aħjar.













