Il-GWU tressaq il-proposti tal-Baġit 2027

2 Oct 2026 - Aħbarijiet | Ekonomija | Home | Politika | Taqsimiet

Il-GWU tressaq il-proposti tal-Baġit 2027

It-tkabbir ekonomiku għandu jissarraf fi dħul aħjar, xogħol ta’ kwalità u servizzi pubbliċi b’saħħithom

Il-General Workers’ Union (GWU) ressqet il-proposti tagħha għall-Baġit 2027, b’appell biex is-suċċess ekonomiku ta’ Malta jissarraf f’livell ta’ għajxien ogħla, drittijiet aktar b’saħħithom, impjiegi ta’ kwalità u servizzi pubbliċi sostenibbli għal kulħadd.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, qal li “l-Baġit għandu jiġi ġġudikat skont kemm iwassal lil Malta lejn ekonomija b’valur miżjud u pagi ogħla, li tkun soċjalment u ambjentalment sostenibbli.”

“Fil-proposti tagħna għall-Baġit 2027 qed niffukaw fuq miżuri li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. L-għan tagħna huwa ċar: li l-progress ekonomiku jissarraf f’kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi, aktar sigurtà u livell ta’ għajxien ogħla,” kompla jgħid.

Fost il-prijoritajiet ewlenin, il-GWU qed tipproponi li jinżamm is-sussidju fuq il-prezzijiet tal-elettriku, il-fjuwil, iċ-ċereali u l-ikel essenzjali, filwaqt li l-iskema Stabbiltà fil-Prezzijiet tiġġedded, tissaħħaħ u tiġi infurzata b’mod effettiv.

Fl-istess waqt, għandu jibda jiġi esplorat mekkaniżmu aktar ġust li permezz tiegħu min għandu dħul baxx u min juża l-enerġija b’mod responsabbli jkun jista’ jibbenefika aktar. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll kumpens jew inċentiv għal dawk li jiġġeneraw l-enerġija tagħhom stess u ma jiddependux, jew jiddependu mill-inqas, fuq l-elettriku mill-grid nazzjonali, biex jitħeġġeġ konsum aktar responsabbli u sostenibbli.

Qed tipproponi wkoll riforma fil-mekkaniżmu tal-COLA biex dan jitħallas darbtejn fis-sena, f’Ġunju u f’Diċembru, jibqa’ eżenti mit-taxxa. Fl-istess waqt, għandu jissaħħaħ l-appoġġ addizzjonali għall-familji l-aktar milquta mill-għoli tal-ħajja.

Proposta oħra hija l-ħolqien ta’ benchmark għal Living Income, li jirrifletti l-ispejjeż reali tal-lum, fosthom dawk tad-djar, is-saħħa, it-teknoloġija u l-ħtiġijiet ta’ kuljum.

Il-proposti jinkludu wkoll titjib fil-pensjonijiet kontributorji u mhux kontributorji, soluzzjonijiet għall-anomaliji eżistenti u t-twaqqif ta’ Fond Soċjali Nazzjonali għal persuni u familji li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji fit-tul.

Fil-qasam tax-xogħol, il-GWU qed tipproponi proġett pilota dwar ġimgħa tax-xogħol ta’ 32 siegħa, akkumpanjat minn studju u riċerka xierqa. Qed titlob ukoll dritt nazzjonali li wieħed jiskonnettja mix-xogħol, aktar miżuri favur il-familja u arranġamenti ta’ xogħol ibridu.

Il-GWU qed tipproponi wkoll paga minima ugwali mill-età ta’ 16-il sena, ħlasijiet addizzjonali ġusti għax-xogħol fil-Ħdud u fil-festi pubbliċi fis-setturi kollha, kif ukoll jitkompla l-immodernizzar tal-Work Regulation Orders.

L-iżvilupp tal-ħiliet għandu jsir dritt tal-ħaddiema permezz ta’ Individual Learning Accounts, apprendistati bi ħlas u taħriġ vokazzjonali ċċertifikati, filwaqt li internships u traineeships bla ħlas għandhom jiġu pprojbiti.

Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, il-GWU qed titlob qafas legali b’saħħtu li jqiegħed lill-ħaddiema fiċ-ċentru, b’konsultazzjoni minn qabel, trasparenza dwar deċiżjonijiet awtomatizzati u negozjar kollettiv dwar l-użu ta’ sistemi algoritmiċi fit-tmexxija tal-ħaddiema.

Fil-qasam tal-housing, qed jiġi propost investiment aktar mgħaġġel f’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, użu aktar effettiv ta’ proprjetajiet vojta u aċċess aktar ġust għall-għajnuna għax-xiri tal-ewwel dar.

Il-proposti jinkludu wkoll aktar investiment fis-servizzi tas-saħħa, is-saħħa mentali u l-prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll Programm Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva u l-Impjiegi, li jappoġġja t-tagħlim tul il-ħajja u l-parteċipazzjoni ta’ persuni akbar fl-età fid-dinja tax-xogħol. Il-GWU qed titlob ukoll l-investiment meħtieġ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Prijoritajiet oħra jinkludu trasport pubbliku aħjar, mobilità sostenibbli u infrastruttura aktar sigura, flimkien mal-implimentazzjoni tat-Tourism Skills Passport u Seafarers’ Charter komprensiva.

Il-GWU qed titlob ukoll tisħiħ tal-ispezzjonijiet tax-xogħol u tas-saħħa u s-sigurtà, b’attenzjoni partikolari għas-setturi ta’ riskju u għall-esponiment għal temperaturi estremi.

Il-proposti jindirizzaw ukoll ir-riforma tal-proċess tal-appelli dwar l-immigrazzjoni, fosthom perjodu statutorju ta’ mhux aktar minn 12-il xahar biex jiġu deċiżi l-appelli, kif ukoll riforma tat-Tribunal Industrijali biex il-ħaddiema jkollhom aċċess għal ġustizzja fil-ħin u bi spiża affordabbli.

Il-GWU temmet tgħid li l-impenji soċjali fit-tul għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ infurzar u konformità aħjar u miżuri ta’ dħul ġusti, u mhux permezz ta’ restrizzjonijiet fuq il-ħaddiema jew is-servizzi essenzjali.

“Il-Baġit 2027 għandu jipproteġi l-poter tal-akkwist tal-familji, jippremja x-xogħol b’mod ġust, isaħħaħ is-servizzi pubbliċi u jmexxi lil Malta lejn mudell ekonomiku aktar produttiv, sostenibbli u soċjalment ġust,” temm jgħid Camilleri.

« Back