Il-General Workers’ Union tilqa’ l-ħruġ mill-ġdid ta’ €50 miljun vouchers li ħabbar ilbieraħ il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Il-ħruġ ta’ dawn il-vouchers apparti li se jgħinu lill-familji kollha bid-dħul ta’ €100 x’jonfqu imma ħa jinħoloq xogħol f’diversi postijiet li għamlu xhur sħaħ magħluqa matul il-pandemija.
Diversi membri tagħna wrew is-sodisfazzjon li ser jerġgħu jidħlu lura għax-xogħol bil-ftuħ tal-postijiet kollha tal-Ospitalità. Apparti dan il-€50 miljun vouchers ser iservu ta’ stimulu dirett fl-ekonomija Maltija, fl-industrija tal-Ospitalità, fl-akkomodazzjoni u fin-negozji, li għandu jgħin fl-istabbiltà tal-impjiegi iżda wkoll fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.
Il-GWU temmen li b’dawn il-vouchers u r-roll out b’saħħtu tal-vaċċin għandu jgħin fl-irkupru u l-qawmien tal-ekonomija Maltija. Għalhekk huwa importanti ħafna li kulħadd jieħu l-vaċċin biex kemm jista’ jkun malajr naslu għan-normalità ġdida.
Il-General Workers’ Union bħal dejjem tibqa’ kommessa li tagħti l-kontribut tagħha fi djalogu soċjali b’saħħtu flimkien mal-Gvern u l-Imsieħba Soċjali.