Il-GWU tiċċelebra 79 sena ta’ ħidma favur dawk l-aktar vulnerabbli, il-ħaddiema u l-membri
Illum il-General Workers’ Union qed tiċċelebra d-79 sena ta’ ħidma tagħha favur dawk l-aktar vulnerabbli, il-ħaddiema u l-membri. Quddiem il-monument tal-Ħaddiem fl-Imsida, l-amministrazzjoni u s-Segretarji tat-Taqsimiet tal-GWU poġġew fjuri bħala simbolu ta’ tislija u apprezzament, b’minuta silenzju għal seħibhom Tony Zarb, il-ġgant tad-trejd unjoniżmu u l-ħabib tal-ħaddiem u batut.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja fakkar li wara sentejn ta’ sfidi minħabba l-pandemija issa l-ħaddiem qed jaffaċċja sfidi oħra kawża tal-invażjoni fl-Ukrenja mill-armata Russa.
“Din il-gwerra apparti l-imwiet inutli ta’ ħafna suldati, qiegħda twassal ukoll għall-imwiet ta’ ħafna persuni ċivili – nisa, tfal u xjuħ. Il-GWU tikkundanna bil-qawwa kollha din l-aggressjoni.”
Żied jgħid li minbarra hekk l-effetti tal-gwerra qed jinħassu madwar id-dinja kollha, fosthom l-inflazzjoni li qed tilħaq livelli rekord.
Huwa qal li anke f’pajjiżna l-inflazzjoni qed tilħaq livelli rekord avolja mhux daqs pajjiżi oħra, grazzi għall-għajnuna tal-Gvern li qed iżomm il-prezzijiet stabbli billi jassorbi d-differenza fil-prezzijiet – spiża li se tiswa madwar biljun Ewro.
“Filwaqt li din hija spiża kbira, hija essenzjali biex tagħti stabbilità lill-familji u l-postijiet tax-xogħol,” kompla jgħid is-Sur Bugeja.
Semma’ li fir-rigward taż-żieda tal-għoli tal-ħajja l-GWU mill-ewwel ħadet pożizzjoni kontra kull tibdil fil-mekkaniżmu, madankollu bħal dejjem il-GWU tibqa’ disposta li tiddiskuti għall-futur biex ittejjeb dan il-mekkaniżmu.
“Jeħtieġ li l-ekonomija tkun għan-nies. L-istudju li għadna kif għamilna dwar in-national living income għandu jkun il-bażi ta’ diskussjoni nazzjonali biex intejbu l-kwalità tal-ħajja. Kulħadd għandu dritt għal dħul diċenti.”
Tenna li l-Gvern għandu wkoll jaħdem biex ikun hawn trasparenza fil-prezzijiet. Infatti fost il-proposti tal-GWU għall-baġit li jmiss waħda mill-proposti tgħid proprju li l-Gvern għandu jgħin biex jinħolqu websites u applikazzjonijiet fuq il-mobile biex kulħadd ikun jista’ jikkompara l-prezzijiet.
“Pjaga oħra li qed naffaċjaw hija l-forom ġodda ta’ xogħol – dawk tal-gig economy, skjavitù moderna, fejn dawn il-persuni lanqas biss jistgħu jiġu meqjusa bħala ħaddiema. Nies li ma għandhom l-ebda protezzjoni. Għalhekk fil-proposti tagħna qed nisħqu li tiġi introdotta liġi ġdida li tagħti dinjità lil dawn il-persuni.”
Is-Segretarju Ġenerali kompla jgħid li jekk verament irridu li noħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għandna niddiskutu l-flessibilità fil-ħin tax-xogħol. Ovvjament bħalma diġà pproponiet il-GWU, il-ħlas ta’ direttiva ġdida għandu jiżdied b’mod gradwali.
Ma naqasx milli jsemmi s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Diversi drabi tkellimna fuq l-imwiet ta’ ħaddiema li ħarġu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u tilfu ħajjithom. Hemm bżonn ta’ azzjoni konkreta minn kulħadd. Għalhekk il-GWU talbet laqgħa tal-MCESD biex flimkien isaħħu aktar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-postijiet tax-xogħol kollha.
Punt ieħor li saħaq dwaru s-Sur Bugeja huwa dwar il-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur fejn qal li jekk dan il-prinċipju mhux se jitwessa allura għandhom jiġu stabbiliti limitu ta’ numru ta’ ħaddiema tal-kuntrattur.
“Flimkien irridu naħdmu biex nipproteġu dawk l-aktar vulnerabbli għalhekk pproponejna wkoll żieda fil-pensjonijiet. Kif ukoll ressaqna proposti biex dawk il-pensjonanti li joħorġu bil-pensjoni ta’ 61 jingħataw l-opportunità li jaħdmu mingħajr ma jitilfu l-pensjoni minħabba l-isfida li qed naffaċċjaw ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet. Minbarra li nisħqu fuq investiment fi skejjel vokazzjonali għal aktar ħaddiema b’ħiliet diversi,” tenna jgħid is-Sur Bugeja.