Il-GWU Għaqda Pensjonanti tħoss li qed jittieħdu aktar miżuri mill-banek li qed ikunu ta’ inkonvenjent fil-konfront tal-anzjani. L-Għaqda tappella lill-Awtoritajiet biex min-naħa tagħhom jagħmlu pressjoni fuq il-banek biex iwaqqfu dawn id-deċiżjonijiet li qed jolqtu direttament lill-anzjani. Waħda mill-ħafna miżuri ġodda hija li xi banek mhux qed jaċċettaw li l-anzjani jiġbru ammont ta’ anqas minn €500 mill-kaxxier.
L-Għaqda ġiet infurmata minn diversi membri li meta qed imorru fil-banek qed jiġu infurmati li s-sistema tas-servizz mingħand il-kaxxiera mhux ser tkun tibqa’ possibbli minn ċerti fergħat. Dan ser ikun ifisser li minflok il-kjuwijiet ikunu fuq ġewwa, jibdew ikunu fuq barra b’aktar tbatijia għall-anzjani. Barra minn hekk rapport ieħor li qiegħed jasal għand l-Għaqda mill-membri huwa li qiegħda ssir pressjoni żejda mill-banek biex bilfors jużaw l-ATM li sfortunatament diversi anzjani jsibuha difficli għal raġunijiet ovvji. L-Għaqda Pensjonanti tinsisti li l-banek kollha għandhom ikollhom servizz immirat għall-anzjani u mhux joħolqu aktar inkonvenjent.
L-Għaqda tibqa’ tappella għall-koperazzjoni reċiproka bejn il-ħaddiema tal-Banek li jagħtu servizz lill- pubbliku u lill-anzjani. Tfakkar li l-ħaddiema li qed jagħtu servizz fil-banek iridu jsegwu l-istruzzjonijiet li jagħtuhom il-manaġiment tal-Banek.
L-Għaqda tassigura lill-anzjani u lill-pensjonanti li ser tkompli tħares kif jixraq l-interessi tal-anzjani u l-pensjonanti.