Illum fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-General Workers’ Union qed tingħaqad mal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdunjins (ITUC), bħala trejd unjin imsieħba magħha, biex twassal messaġġ b’saħħtu li jgħid li ċ-ċavetta għal demokrazija aktar b’saħħitha u soċjetajiet inklussivi hija l-avvanz fl-ugwaljanza fuq ix-xogħol.
In-nisa spiss jiffaċċjaw diversi inugwaljanzi, inkluż fil-parteċipazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol, id-differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol fost oħrajn.
Barra minn hekk, uħud mill-movimenti populisti u awtoritajiet ikomplu jimminaw għexieren ta’ snin ta’ progress lejn l-ugwaljanza għan-nisa, fosthom il-parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol, l-għoti ta’ setgħa ekonomika u politika u aċċess għall-edukazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-ITUC Luc Triangle qal li: “It-triq lejn soċjetà tassew inklussiva, ekwa u demokratika hija billi nibqgħu naħdmu u ninsitu għall-ugwaljanza bejn is-sessi fuq ix-xogħol. Is-sejħa tagħna għal Kuntratt Soċjali Ġdid hija dwar il-ħolqien tal-kundizzjonijiet fejn kull mara tista’ tirnexxi fid-dinjità, ħielsa mid-diskriminazzjoni u l-vjolenza.
F’dan il-Jum Internazzjonali tal-Mara, aħna nerġgħu nimpenjaw ruħna għal din il-viżjoni u nirrakkomandaw politiki trasformattivi li jgħollu b’mod pożittiv lill-ħaddiema kollha.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja saħaq li: “Il-GWU dejjem ħadmet u saħqet fuq dawn il-prinċipji permezz tal-Ftehim Kollettivi u djalogu soċjali. Infatti fl-organizzazzjoni nnifisiha minbarra li għandna ammont konsiderevoli ta’ ħaddiema nisa, l-amministrazzjoni dejjem ħeġġet li jiżdiedu s-segretarji femminili fi ħdan it-taqsimiet ta’ din it-trejdjunjin, li huma essenzjali għall-bini ta’ moviment trejdunjonistiku inklussiv, femminista u ekwu. Bħalissa għandna żewġ nisa fit-tmexxija ta’ żewġ taqsimiet, kif ukoll assistenta segretarja ta’ taqsima, madankollu nixtiequ li aktar nisa jidħlu għal karigi għolja.