
Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Crane Authentication
Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Crane Authentication li jkopri l-perjodu 2026-2029. Minbarra titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, dan il-ftehim se jkun qiegħed jissarraf f’żidiet fil-pagi kif ukoll benefiċċji oħra bħalma huwa s-shift allowance.
Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni Jason Gatt, u bħala Shop Stewards u rappreżentanti tal-unjin fil-kumpanija ffirmaw Ruth Pulis, Stepan Bonnici, Creston Grech u Glenn Busuttil. F’isem il-kumpanija Crane Authentication ffirmaw Anthero Agius – Direttur tal-Operazzjonijiet u Site Lead, u Elaine Mifsud Western – Senior Human Resources Manager.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri li kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif saru n-negozjati fejn qal li ż-żewġ naħat kellhom għan wieħed, dak li jaslu għal dan il-ftehim. Huwa fisser dan bħala “proċess ta’ maturità”.
Camilleri tenna li l-kumpanija mhux biss qed tirrikonoxxi li sejra tajjeb iżda wkoll li dan is-suċċess huwa dovut għall-ħaddiema tagħha. “Bl-investiment li qiegħda tagħmel il-kumpanija permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, qed ikun assigurat il-futur ta’ dawn il-ħaddiema.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jirringrazzja lill-maniġment, lis-Segretarju Jason Gatt u lill-kumitat kollu li b’mod matur u b’ħidma kontinwa waslu għal dan il-ftehim.
Dan il-ġurnal tkellem ukoll mas-Segretarju Jason Gatt li qalilna li dan kien l-ewwel ftehim tiegħu bħala Segretarju tat-Taqsima u jinsab kuntent ħafna bih. Huwa qal li jinsab kuntent ukoll bil-Kumitat tal-impenn li wera b’rabta ma’ dan il-ftehim.
“Ħdimna sew flimkien. Li għamilna wkoll flimkien mal-maniġment hu li ħsibna f’kulħadd u sabiex il-kumpanija tibqa’ vijabbli u taħseb għall-futur. Il-kumpanija ħasbet ukoll fin-nies tekniċi,” tenna Jason Gatt.
Min-naħa tiegħu, Anthero Agius f’isem il-kumpanija qal li dan il-ftehim huwa maħsub sabiex fit-tliet snin li ġejjin ikomplu jtejbu l-operat, billi jkopru rwoli ġodda, filwaqt li jaħseb għaż-żmien li ġej anke f’dak li jirrigwardja r-rwoli tekniċi.
“Hemm firxa sħiħa ta’ benefiċċji li se jkunu maqsuma fit-tliet snin li ġejjin. Il-maġġoranza tagħhom se jkunu qed jidħlu fis-seħħ fl-ewwel sena. Nemmnu li b’dawn il-benefiċċji rajna kif insostnu u nagħtu xi ħaġa lura lil kulħadd li mhux biss hi l-kelma grazzi tax-xogħol kollu li jsir imma wkoll biex nadattaw ruħna għaż-żminijiet li qed nippreparaw għalihom,” sostna Agius.













