Il-GWU b’riċerka dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma

1 Jul 2026 - Aħbarijiet | Ekonomija | Home | Politika | Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi | Taqsimiet | Teknoloġija

Il-GWU b’riċerka dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma

Il-General Workers’ Union qed tmexxi proġett ieħor fejn qed tlaqqa’ partijiet kollha – employers, ħaddiema u l-Gvern – biex tisma’ mingħandhom dwar temi rilevanti bħalma huma l-ħaddiema tal-pjattaforma u l-flessibilità fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan sabiex ikunu magħrufa aħjar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li diversi kategoriji ta’ ħaddiema jaħdmu fihom. 

Bejn ilbieraħ u llum, il-GWU qiegħda tmexxi workshop fil-Workers’ Memorial Building bħala parti minn dan il-proġett, fejn ġew mistiedna diversi kelliema li lkoll taw l-opinjonijiet tagħhom dwar dawn l-oqsma tax-xogħol. 

Dan il-proġett qed jitmexxa mit-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU mmexxija mis-Segretarju Kendrick Bondin li f’kumment ma’ dan il-ġurnal stqarr li dak li se jkun qed jiġi diskuss se jkun inkluż f’rapport li qed isir bħala parti mir-riċerka sabiex fl-aħħar mill-aħħar titqabbel ma’ dak li qed isir f’pajjiżi oħra. Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li Malta tinsab fuq quddiem nett f’dan il-qasam u għaldaqstant qed tkun ta’ eżempju għal pajjiżi oħra.

Proprju l-ġimgħa li għaddiet, ġie ffirmat ftehim kollettiv bejn il-GWU u l-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) li mmarka pass storiku għall-ħaddiema fis-settur tal-food couriers f’Malta u Għawdex. Dan il-ftehim jistabbilixxi qafas ċar ta’ drittijiet u obbligi li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li joffri aktar ċertezza u stabbiltà lill-operaturi tas-settur.

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Kendrick Bondin spjega li workshops bħal dawk li qiegħda torganizza l-GWU huma importanti biex jifhmu aħjar is-sitwazzjoni preżenti. Dan filwaqt li stqarr li “dejjem nimxu b’mod oġġettiv għax qed nisimgħu l-partijiet kollha biex fl-aħħar mill-aħħar insaħħu aktar id-dinja tax-xogħol u lil dawk kollha li jinsabu fiha.”

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDFOA, is-Sur Iousef Meli qal li “workshops bħal dawn huma importanti għaliex iġegħluna naħsbu għal tragwardi ġodda, fuq is-settur tagħna kif nistgħu ntejbuh u nkomplu mmexxuh ’il quddiem speċjalment għall-impjegati tagħna u biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tagħhom.”

Huwa qal li ġew diskussi diversi temi fejn “ingħatat informazzjoni illi wieħed ikun jista’ jkun jaf ċertu dettall meta jmiss miegħu bħalna, bħala fleet operators. Informazzjoni kif wieħed jista’ jifhem daqsxejn iktar platform work x’inhu, food courier x’inhu u l-fleet operator kif jopera,” qal is-Sur Meli. 

Fost kelliema oħra li indirizzaw dan il-workshop kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) Diane Vella Muscat u l-Projects Coordinator ta’ The Malta Chamber Fabio Bajada. 

« Back