It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU ddikjarat tilwima industrijali ġewwa Transport Malta. Dan seħħ wara li xi wħud mill-ħaddiema ġewwa Transport Malta, applikaw għall-allowances li huma bi dritt tagħhom però l-ħlasijiet qatt ma ġew approvati mir-Remuneration Committee tal-istess entità.
Dawn il-ħaddiema membri tal-GWU għaddew l-applikazzjonijiet tagħhom lid-dipartiment konċernat biex jingħataw dawn il-ħlasijiet xhur ilu. Sfortunatament il-ħaddiema qatt ma ngħataw tweġiba dwar l-applikazzjonijiet tagħhom u qatt ma ngħataw risposti dwar meta ħa jirċievu l-allowances li suppost huma dovuti lilhom.
Is-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU avviċinat lill-Maniġment ta’ Transport Malta diversi drabi però kull komunikazzjoni dejjem ġiet injorata. Għalhekk il-GWU ma kellhiex triq oħra għajr li tavza lill-Maniġment tal-istess entità li se tiddikjara tilwima industrijali jekk l-affarijiet mhux se jittranġaw. Sfortunament dan ma’ wassal għall-ebda soluzzjoni u l-allowances baqgħu ma tħallsux.
Għalhekk fl-10 ta’ Mejju l-Maniġment ta’ Transport Malta ġie avżat mill-GWU dwar din it-tilwima industrijali. Il-GWU infurmat ukoll lill-Maniġment li tirriserva d-dritt li tikkunsidra iktar miżuri jekk mill-aktar fis possibbli ma tinstabx soluzzjoni għal din it-tilwima u l-ħaddiema jieħdu dak li hu tagħhom.