
Il-General Workers’ Union (GWU) temmen li l-impenn favur l-ugwaljanza u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol għandu jkun wieħed kontinwu, filwaqt li n-negozjar kollettiv għandu jibqa’ għodda importanti biex il-prinċipji tal-ugwaljanza jissarrfu f’kundizzjonijiet konkreti għall-ħaddiema.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President tal-GWU, Jason Deguara, waqt il-konferenza Out@Work – “Nibnu Postijiet tax-Xogħol Aktar Inklussivi u Ugwali”, organizzata mill-Allied Rainbow Communities (ARC) b’kollaborazzjoni mal-GWU bħala parti mill-attivitajiet ta’ Malta Pride 2026. Il-konferenza saret fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta.

“Meta ġenerazzjonijiet differenti ta’ ħaddiema jkunu rispettati, inkunu qed noħolqu ambjent tax-xogħol fejn l-esperjenza u l-ideat ġodda jistgħu jeżistu flimkien. Għall-GWU, dan ifisser impenn lejn l-ugwaljanza li għandu jibqa’ għaddej,” qal Deguara.
Huwa sostna li l-GWU trid tkompli tuża n-negozjar kollettiv sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tindirizza realtajiet u sfidi ġodda li qed jiżviluppaw fid-dinja tax-xogħol.
Deguara fisser li Pride Week mhijiex biss okkażjoni biex jiġi rikonoxxut il-progress li sar fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+, iżda wkoll opportunità biex wieħed iħares lejn l-isfidi li għad iridu jiġu indirizzati.
“Għandha tkun ukoll opportunità biex nistaqsu lilna nfusna jekk il-postijiet tax-xogħol humiex iżommu l-pass mas-soċjetà li rridu nibnu,” qal il-President tal-GWU.
Huwa spjega li l-inklużjoni tfisser il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet fejn kull persuna tkun tista’ tipparteċipa bis-sħiħ u b’kunfidenza fil-post tax-xogħol, mingħajr diskriminazzjoni. F’dan il-kuntest, it-trade unions għandhom rwol importanti għaliex permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jistgħu jgħinu biex il-prinċipji tal-ugwaljanza jissarrfu f’kundizzjonijiet tax-xogħol konkreti.
Deguara rrefera wkoll għall-Istrateġija Ewropea għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ għall-perjodu 2026–2030 u sostna li Malta għandha rwol importanti biex l-impenji Ewropej jissarrfu f’azzjoni konkreta fuq livell nazzjonali.
Huwa qal li min iħaddem għandu responsabbiltà importanti fil-ħolqien ta’ ambjenti tax-xogħol inklussivi, filwaqt li t-trade unions għandhom jiżguraw li l-vuċi tal-ħaddiema tinstema’ u li l-ugwaljanza tkun parti mir-realtà ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol.
“Irridu niżguraw li n-negozjar kollettiv ikompli jevolvi sabiex mhux biss jirrifletti r-realtajiet tal-lum, iżda wkoll jantiċipa l-isfidi ta’ għada,” tenna Deguara.
Il-ftehimiet kollettivi bħala għodda għall-ugwaljanza

Matul il-konferenza tkellem ukoll Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU, li ffoka fuq ir-rwol tat-trade unions fil-promozzjoni tal-ugwaljanza permezz tal-ftehimiet kollettivi.
Bondin spjega li l-GWU ilha għal snin twal taħdem favur l-ugwaljanza, billi tippromwovi opportunitajiet indaqs u tirrikonoxxi l-kontribut ugwali tan-nisa u l-irġiel kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà.
Huwa qal li fin-negozjar tal-ftehimiet kollettivi, il-GWU tiffoka fuq diversi pilastri importanti, fosthom it-trattament ugwali, lingwaġġ inklussiv, paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, id-dinjità fuq il-post tax-xogħol u l-kontabbiltà.
Is-saħħa mentali u s-sigurtà psikoloġika
Il-konferenza inkludiet ukoll intervent minn Ryan Portelli, counsellor, edukatur u attivist, li tkellem dwar is-saħħa mentali u l-importanza tas-sigurtà psikoloġika fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari għall-persuni LGBTIQ+.
Saret ukoll diskussjoni f’panel bit-tema “Beyond the Rainbow: Pride, Partnership or Tokenism”, li tat opportunità lill-parteċipanti jiddiskutu l-isfidi, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jesploraw kif l-inklużjoni tista’ tmur lil hinn minn inizjattivi simboliċi u ssir parti integrali mill-kultura u l-prattiċi tal-post tax-xogħol.
Permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’din il-konferenza, il-GWU kompliet tenfasizza l-impenn tagħha favur postijiet tax-xogħol fejn kull ħaddiem u ħaddiema jiġu trattati b’dinjità, rispett u ugwaljanza, u fejn ħadd ma jkun diskriminat minħabba min hu.













