Din it-taqsima hija waħda minn tmien taqsimiet tal-General Workers’ Union. Hija taqsima fejn tipproteġi l-ħaddiema membri tal-GWU li jaħdmu ġewwa;
- Is-servizz pubbliku
- Is-settur pubbliku
- Is-saħħa u kura għall-anzjani kemm fis-servizz pubbliku kif ukoll fis-settur privat
- Awtoritajiet
- Regolaturi
Il-ħaddiema li jaqgħu taħt din it-taqsima jvarjaw minn dawn manwali sa professjonisti fi ħdan id-diversi setturi msemmija. Din it-taqsima tirrappreżenta ħaddiema membri fuq bażi full time, part time, fuq kuntratt indefinit kif ukoll fuq kuntratt definit.
Kif il-GWU tikseb rikonoxximent?
Meta organizzazzjoni jkollha l-maġġoranza tal-ħaddiema membri mal-GWU (50% +1) il-Union tikseb rikonoxximent mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol (DIER).
X’jiġri minn hemm ʼil quddiem?
- It-Taqsima tibda n-negozjar tal-ftehim kollettiv jew ftehim settorjali biex ittejjeb id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema
- It-Taqsima jkollha dritt għall-konsultazzjoni fejn jiġu proposti sensji u/jew trasferimenti
- Il-membri jkollhom id-dritt jagħżlu li l-ħlas tas-sħubija titnaqqas mill-paga tagħhom kull ġimgħa
Meta l-Union ma tistax tgħin?
L-unika sitwazzjoni fejn is-sezzjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tgħin huwa meta l-membri jkollhom problemi li jkunu ġraw qabel ikunu ssieħbu membri tal-Union. Kif ukoll, f’sitwazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mar-relazzjonijiet industrijali.
X’tagħmel il-GWU – Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi?
It-taqsima hija l-ħolqa essenzjali bejn il-membri tal-GWU u l-Union. L-irwol tat-taqsima huwa li taħdem id f’id mal-membri sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Apparti minn hekk it-taqsima tara li membri qegħdin jiġu stmati kif suppost u d-drittijiet ta’ min iħaddem huma rrispettati. F’każ li le t-taqsima tqajjem għarfien fuq dawn is-sitwazzjonijiet kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll nazzjonali.
- Negozjar
Dan huwa l-proċess fejn il-Union tiddiskuti u tinnegozja ma’ min iħaddem sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż il-paga u l-allowances aħjar għall-ħaddiema. Apparti minn hekk tipproponi proposti għall-baġit sabiex dejjem tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-membri.
- Kampanja
Din tifforma parti mill-metodu tagħna sabiex inqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet, insaħħu l-kundizzjonijiet tal-membri u niġbru appoġġ għal kwistjonijiet lokali u internazzjonali.
- Ġustizzja Ekwa u Ugwaljanza
Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-GWU huwa li tgħin lill-membri għall-ġustizzja u ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol u anke barra. L-isfida kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza huma importanti ħafna għalina.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi
Kendrick Bondin huwa responsabbli minn din it-taqsima. Huwa ilu jaħdem mal-Union mill-2013 bħala segretarju tal-istess taqsima. Qabel ġie elett segretarju ta’ din is-sezzjoni kien ġie elett segretarju tal-Għaqda GWU Żgħażagħ. Kendrick għandu snin twal ta’ esperjenza f’dan il-qasam u dan jidher mix-xogħol kollu li jagħmel il-Union u għall-membri kollha fi ħdan it-taqsima tiegħu. Il-passatempi tiegħu huma l-yoga u l-għawm. Apparti minn hekk iħobb ħafna l-annimali, il-ħarsien tal-ambjent u jaħdem ħafna għad-drittijiet tal-bnedmin.
L-istorja ta’ din it-taqsima
Din it-Taqsima ġiet stabbilita fl-1943. L-ewwel ftehim kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku ġie nnegozjat mal-Gvern u ffirmat fl-14 ta’ Diċembru 1998. Qabel dan il-ftehim kollettiv ġie fis-seħħ sar eżerċizzju ta’ ristrutturar tal-iskali u l-gradi kollha fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika u jkunu stabbiliti strutturi ta’ salarji ġodda għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku. Dan l-eżerċizzju seħħ bejn l-1991 u l-1995. Bis-saħħa ta’ negozjati bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-Unions kienu introdotti pagi u karrieri ġodda. Tajjeb li jinghad ukoll li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-Servizz Pubbliku huma stabbiliti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, fl-att dwar is-servizz pubbliku u l-public service managment code. Matul iż-żmien it-taqsima bdiet tinnegozja diversi ftehim kollettivi li jkopru awtoritajiet, entitajiet pubbliċi u regolaturi.