Il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex jgħin f’kull livell lill-kumpaniji żgħar u medji biex jinvestu f’mudelli aktar sostenibbli. F’dan il-kuntest, qed tiġi mħejjija skema mal-Malta Enterprise (ME) bil-għan li dawn l-SMEs ikunu megħjuna anke finanzjarjament fejn jidħol ir-rappurtaġġ fil-portal dwar il-governanza, l-ambjent u l-qasam soċjali (ESG).
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, ħabbret dan lill-imsieħba soċjali waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li saret fil-bini tal-GWU. Din kienet it-tieni laqgħa tal-MCESD li saret għand il-GWU li hi waħda mill-imsieħba soċjali.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Dalli spjegat li fl-aħħar tliet snin kien hemm aktar minn 80 negozju li bbenefikaw minn skemi tal-ME li jittrattaw fuq l-effiċjenza, it-tnaqqis ta’ ħela ta’ riżorsi u aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma, fost oħrajn. Kien hemm ukoll aktar minn 40 SME li bbenefikaw mill-Energy Audit Scheme tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
“Rajna wkoll li kumpaniji li jirrapportaw il-kriterji tal-ESG irreġistraw tnaqqis ta’ 8% f’dak li jirrigwardja l-emissjonijiet u kkunsmaw 30% inqas ilma mis-sena ta’ qabel. Ir-riżultati qegħdin hemm u huma inkoraġġanti,” qalet il-Ministru Dalli.
Hija kompliet tgħid li permezz tal-ESG portal, ried jintbagħat il-messaġġ li s-sostenibbiltà trendi wkoll il-qligħ, li mhijiex piż għall-kumpaniji, imma jekk isir investiment kif suppost tista’ twassal għal profitti għall-istess kumpaniji.
“Ma ridniex inħarsu lejn l-ESG bħala xi forma ta’ rabta imma bħala opportunità għal ħafna li tista’ twassal għal stabbilità fiskali, ekonomika u anke sostenibbli. Meta tinvesti f’business models aktar sostenibbli qed naraw li l-ispejjeż operattivi tal-kumpaniji jonqsu,” qalet il-Ministru Dalli.
Hija tkellmet ukoll dwar l-impatt soċjali, fejn ġie rreġistrat ukoll titjib, fosthom biż-żieda ta’ 7% fin-nisa fi rwoli maniġerjali u titjib ta’ 2% fil-gender pay gap. Għalhekk, enfasizzat ukoll fuq l-importanza li l-aspett soċjali tal-ESG ikompli jespandi u jikseb aktar prominenza.
“Nemmen li din hija għodda oħra biex f’Malta nsaħħu l-opportunitajiet indaqs, insaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u anke l-inklużjoni soċjali,” tenniet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.
Waqt il-laqgħa tal-MCESD tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, li semma kif l-ESG qiegħda tkun diskussa mhux biss lokalment imma anke fil-fora internazzjonali.
Huwa qal li għalhekk huwa essenzjali li nifhmu eżatt x’kontribut din tista’ tagħti, mhux biss lil kumpaniji kbar, imma nifhmu anke kif dan il-fenomenu jista’ jħalli impatt fuq in-negozji żgħar u medji b’mod konkret u tanġibbli u kif tista’ ttejjeb il-kompetittività tagħhom.
Dr Ellul irrefera wkoll għall-viżjoni strateġika tal-MCESD, li kienet diskussa wkoll waqt il-laqgħa tal-bieraħ. Viżjoni li tħares fit-tul u li tagħti ħarsa estensiva lejn il-mod ta’ kif il-Kunsill se jkun qiegħed jopera fiż-żmien li ġej.