It-tibdil mgħaġġel li qed isir fid-dinja tax-xogħol se jwassal biex l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) tkun parti integrali minn din il-bidla. Qal dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, f’diskors li għamel waqt konferenza organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Malta Business Bureau, bl-appoġġ tal-GWU, bit-tema “The Ripple Effect of AI”.
Fl-istess konferenza saret referenza għall-proġett TransFormWork, fejn kemm il-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll il-GWU jirrikonoxxu l-prijorità tat-trasformazzjoni diġitali għan-negozji u fuq il-postijiet tax-xogħol bħala firmatarji tal-ftehim dwar il-Qafas tal-Imsieħba Soċjali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Diġitalizzazzjoni.
Fl-intervent tiegħu, is-Sur Bugeja tkellem dwar il-ħtieġa ta’ reskilling u upskilling tal-impjegati sabiex permezz tagħhom inkunu nistgħu nilqgħu għall-bidla li qiegħda ssir fid-dinja tax-xogħol.
Huwa kompla billi rrikonoxxa li l-AI se ssaħħaħ l-impjiegi, u għaldaqstant il-ħaddiema jeħtieġ li jkollhom l-aħjar ħiliet biex ikunu jistgħu jadattaw għal din ir-realtà ġdida fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
Is-Sur Bugeja żied jistaqsi wkoll jekk il-ħaddiema kollha għandhomx il-ħiliet li jużaw l-Intelliġenza Artifiċjali. Għalhekk saħaq li hemm bżonn li naħdmu lkoll flimkien u nħeġġuhom sabiex isaħħu l-ħiliet tagħhom li finalment iservi ta’ benefiċċju għalihom stess.
“Ħadd mhu se jwaqqaf il-bidla. Din il-bidla hi parti minn ħajjitna. Li għandna bżonn huwa li nadattaw għaliha u jkollna l-ħiliet meħtieġa sabiex inkomplu f’din id-dinja ġdida tax-xogħol,” tenna s-Sur Bugeja.
Min-naħa tagħha, Dr Daniela Grech, Kap tal-Proġetti u Fondi tal-UE fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, qalet li t-trasformazzjoni diġitali għandha tkun fuq l-aġenda ta’ kulħadd. Qalet li fid-dokument li ressqu lill-partiti qabel l-elezzjoni, enfasizzaw li n-negozji f’Malta jeħtieġ li jħaddnu d-diġitalizzazzjoni sabiex itejbu s-servizzi tagħhom u jnaqqsu l-burokrazija.
Dr Grech kompliet tgħid li bħala Kamra tal-Kummerċ, qegħdin iħeġġu lill-Gvern sabiex ikun hemm aktar skemi u għajnuna biex in-negozji jimxu aktar lejn diġitalizzazzjoni msaħħa.
“Id-diġitalizzazzjoni u l-AI m’għandhomx ikunu xi ħaġa li jiġu u jmorru, iżda li rridu nħaddnu u naħdmu bihom. In-negozji lokali jeħtieġ li jimbuttaw aktar il-proċess tal-awtomazzjoni,” tenniet Dr Grech.