Il-GWU Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi rreġistrat diversi direttivi favur il-membri tagħha ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
Fir-relazzjonijiet industrijali, il-komunikazzjoni hija ta’ importanza kbira. Biex ikun hemm relazzjonijiet industrijali tajba, iż-żewġ naħat jeħtieġ jaħdmu f’qafas ta’ djalogu b’saħħtu u li jnissel fiduċja. Meta jiġri hekk, kemm min iħaddem, il-ħaddiema u Trade Union jikbru flimkien. Waqt dan id-djalogu l-partijiet kollha jifhmu l-opinjonijiet ta’ xulxin u jaħdmu flimkien biex dan il-għan jintlaħaq. Fejn f’post ta’ xogħol ikun aktar minn Trade Union waħda, l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel min iħaddem huwa meta jagħmlu distinzjoni bejn Trade Union u oħra. Dan ġeneralment iwassal għal dwejjaq għal dawk il-ħaddiema li jkunu ġew trattati inqas minn ħaddieħor. Qisu l-ulied mhux kollha huma ugwali f’għajnejn il-ġenituri. Dan iwassal għal frustrazzjoni, dwejjaq u rabja. Dan iwassal biex wara xhur ta’ diskussjonijiet it-Trade Union ma jkollha l-ebda triq oħra ħlief li tieħu azzjoni industrijali.
Il-GWU, fil-qasam ta’ saħħa u kura għandha diversi ħaddiema minn livelli differenti li għandhom l-istess dmirijiet meta jiġu biex jieħdu ħsieb lill-pazjenti. Id-direttivi li nħarġu ftit tal-ġranet ilu mhumiex għall-ħaddiema kollha però għall-grupp partikolari wieħed fis-settur tas-saħħa. Il-bqija tal-impjegati membri għadhom qed iwettqu xogħolhom kif suppost u kollu. L-anzjani li jinsabu f’djar tax-xjuħ qegħdin jingħataw l-għajnuna kollha li jixirqilhom u li jkollhom bżonn inkluż jinħaslu u jbiddlu. Bla ebda tlaqliq nistgħu ngħidu li anke meta ġejna għall-azzjonijiet, il-kura lill-anzjani tagħna xorta kienet ta’ prijorità.
Iżda tajjeb li kulħadd ikun jaf kif il-GWU waslet hawn. Id-direttivi l-ġodda ġew fis-seħħ wara li xi snin ilu, Union oħra ħarġet sett ta’ direttivi favur il-membri tagħha fl-istess settur. Huma ġew mitluba biex ma jaħslux pazjenti u ma joffrux superviżjoni lill-ħaddiema oħrajn meta jkunu qegħdin jaħslu lill-pazjenti.
Il-maniġment ta’ dak iż-żmien kien iltaqa’ b’urġenza mal-GWU u l-UHM biex il-membri tagħhom jieħdu din ir-responsabbiltà għalkemm mhuwiex id-dmir tagħhom. Iż-żewġ Unions ħadmu id f’id biex jikkomunikaw mal-membri tagħhom sabiex jieħdu din ir-responsabbiltà ġdida biex l-iżjed persuni vulnerabbli ma jiġux affettwati.
Wara sena li daħlu fis-seħħ dawn id-direttivi, favur l-imsemmija professjonisti, ma kinux ġew irtirati, iż-żewġ Unions avviċinaw lill-Gvern dwar din il-kwistjoni biex tinstab soluzzjoni. Huma infurmaw li l-membri tagħhom ma jistgħux jibqgħu għaddejjin b’din id-diskriminazzjoni meta mhijiex ir-responsabbiltà tagħhom li jagħmlu dan ix-xogħol iżjed u iżjed bla ebda superviżjoni. Dak iż-żmien, il-Gvern kien ħareġ stqarrija għall-istampa kontra ż-żewġ Unions li kienet tgħid li se tkun ta’ ħsara għall-pazjenti.
Fir-rigward tad-direttivi attwali, il-GWU ilha tipprova tagħmel kuntatt mal-Ministeri kkonċernati minn Novembru. Unions oħra ħarġu direttivi, u wara ftit ġranet il-Ministeru konċernat iltaqa’ magħhom u aċċetta t-talbiet tagħhom u tahom benefiċċji ġodda, inkluż l-arretrati.
Fil-bidu ta’ din is-sena, il-GWU avżat li jekk mhux ser ikun hemm għajnuna min-naħa tal-awtoritajiet ser tiġi ddikjarata tilwima industrijali. Għalkemm il-ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku jgħid li azzjoni industrijali trid tal-anqas tmint ijiem qabel ma’ tiddikjara azzjoni industrijali, il-GWU tat-tliet ġimgħat sħaħ qabel għamlet dan. Iżda xorta waħda baqgħat mingħajr ebda komunikazzjoni uffiċjali. Wara tliet ġimgħat oħra kollox baqa’ kif kien u l-GWU avżat li ser tibda l-azzjonijiet industrijali. Il-GWU setgħet tieħu azzjoni wara tmienja u erbgħin siegħa, iżda tat ġimgħa sabiex il-Maniġment ikun jista’ jikkomunika magħha. Dan xorta ma bidel xejn għax il-maniġment qatt ma prova jikkuntattja uffiċjalment lill-GWU.
Filwaqt li l-GWU u l-membri tagħha jibqgħu disposti u miftuħa għal soluzzjoni u diskussjoni żgur li ma tistax taċċetta li l-membri tagħha jiġu stmati tat-tieni klassi. Il-membri tagħha huma frontliners daqs kull professjonist ta’ saħħa ieħor u waqt din il-pandemija għamlu kull sagrifiċċju mitlub minnhom. Issa huwa l-waqt li jiġu trattati bl-istess mod kif ġie trattat ħaddieħor.