Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tinsisti dwar il-ħtieġa ta’ pjan strateġiku nazzjonali

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja saħaq li l-GWU ilha tisħaq fuq pjan strateġiku nazzjonali ta’ fejn irridu nieħu l-pajjiż f’diversi oqsma. Fost dawn hemm l-enerġija, is-saħħa, ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-infrastruttura.

Huwa stqarr dan f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal fi tmiem laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li kienet imsejħa mill-Partit Nazzjonalista u li trattat diversi temi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li għandu jkun hemm pjan ħolistiku, bis-sehem ta’ kulħadd, illi jmur oltre minn leġiżlatura waħda sabiex il-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.

Sadanittant, fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-PN irid infrastruttura li tgħin fit-tkabbir tal-ekonomija b’mod sostenibbli u anke valur miżjud.

Sostna li l-politika tal-PN trid tkun waħda pro-attiva, li tassigura stabbiltà, poplu b’saħħtu, tkabbir ekonomiku, titjib soċjali, avvanz edukattiv fejn jiżdied il-ħsieb kritiku u poplu b’aktar ħiliet.