Il-General Workers’ Union permezz tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi kisbet ir-rikonoxximent waħdieni tal-ħaddiema fl-MCESD. Dan ir-rikonoxximent ingħata wara l-proċess ta’ verifika mid-DIER fejn ikkonkluda li l-maġġoranza tal-ħaddiema huma membri mħallsa tal-GWU.
Dan l-eżerċizzju seta’ jsir wara li d-Dipartiment ġie nfurmat li fil-preżent ma hemm l-ebda unjin oħra li tirrappreżenta lill-ħaddiema impjegati mal-imsemmija entità.
Issa l-pass li jmiss hu li jibdew in-negozjati mal-management għal Ftehim Kollettiv ġdid fejn l-għan ikun li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema nkluż il-pakkett finanzjarju. Is-Segretarju tat-Taqsima rringrazzjat lill-ħaddiema għall-fiduċja li wrew meta avviċinaw lill-GWU biex itejbu l-qagħda tagħhom fuq il-post tax-xogħol.