Il-Kunsill Nazzjonali tal-GWU għandu s-setgħa li joħloq Fergħat biex jieħdu ħsieb xi parti mill-attivitajiet tal-Union jew biex jieħdu ħsieb l-interess ta’ setturi speċifiċi ta’ msieħba fil-Union.
Fost dawn il-fergħat hemm il-GWU Għaqda tal-Pensjonanti.
Sa mill-bidu tal-ħolqien tagħha l-Għaqda tal-Pensjonanti dejjem kienet protagonista biex ittejjeb ħajjet l-anzjani. Hija tilqa’ l-ilmenti u l-proposti tal-pensjonanti li jiltaqgħu magħhom. Wara tipprepara rapport u tressaq il-proposti lill-gvernijiet. Matul is-snin ħafna minn dawn il-proposti ġew fis-seħħ li gawdew minnhom ħafna pensjonanti u għadhom igawdu minnhom sal-lum il-ġurnata. L-Għaqda ma tieqaf qatt taħdem favur il-pensjonanti biex turihom l-apprezzament tagħha wara s-snin ta’ xogħol li offrew lis-soċjetà. Il-proposti mressqa għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pensjonanti kollha.
Is-servizzi li toffri din l-Għaqda huma differenti mis-servizzi li joffru s-sezzjonijiet prinċipali tal-Union. Din l-Għaqda tiffoka ħafna fuq il-problemi li jolqtu lill-membri matul is-snin tal-irtirar tagħhom. Fost oħrajn jinkludu r-reviżjoni tal-pensjoni, servizz ta’ avukat kif ukoll problemi oħra li huma relatati mal-anzjanità.
Bħala parti integrali mill-GWU l-Għaqda tipparteċipa f’diskussjonijiet li jseħħu ġewwa l-Union u għandha rappreżentanza fil-Kunsill Nazzjonali. Però tkun anke preżenti f’diversi laqgħat ma’ dipartimenti esterni li jikkonċernaw lill-pensjonanti. Meta l-Għaqda tipprepara l-proposti tagħha favur l-anzjani dawn jiġu mressqin fil-baġit. Jiġu wkoll imressqin proposti biex jitjiebu l-liġijiet tal-pensjonanti fuq livell intern ġewwa l-Union stess u anke fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk l-Għaqda hija membru tal-FERPA li hija l-Għaqda tal-Pensjonanti Ewropej (ETUC). L-Għaqda tieħu sehem fil-laqgħat tal-eżekuttiv u laqgħat oħra mtella’ mill-FERPA.
Matul is-snin li ilha mwaqqfa din l-Għaqda ġew identifikati diversi benefiċċji li huma bżonnjużi għall-ħajjet l-anzjani. Dawn huma ftit mill-ħafna servizzi li noffru:
- Għajnuna biex tapplika għall-pensjoni
- Għajnuna għar-reviżjoni tal-pensjoni
- Servizz ta’ avukat
- Skemi bi prezzijiet vantaġġjużi għall-membri
- Jiġu organizzati diversi attivitajiet għall-membri
- Prezz sussidjat għall-party annwali
- Tista’ tabbona għall-magazin ‘L-Anzjani’ bi prezz issussidjat ta’ €5 kull sentejn
- Servizzi oħrajn
Illum l-Għaqda għandha paġna fil-ġurnal L-Orizzont li toħroġ kull nhar ta’ Ġimgħa ta’ kull ħmistax kif ukoll magazin li jiġi ppubblikat erba’ darbiet fis-sena. F’dawn il-pubblikazzjonijiet l-Għaqda twassal il-messaġġ tagħha lill-membri pensjonanti kollha u kif ukoll l-anzjani. Dawn il-pubblikazzjonijiet huma milqugħa tajjeb ħafna għaliex l-anzjani jiġu infurmati dwar ix-xogħol kollu li qed tagħmel l-Għaqda.
Barra dan ix-xogħol, l-Għaqda torganizza diversi attivitajiet soċjali u edukattivi għall-membri tagħha fosthom festin għal żmien il-Milied. Dan il-festin ilaqqa’ ħafna ħaddiema li kienu jaħdmu flimkien fl-istess postijiet tax-xogħol. Apparti minn hekk isiru ħafna ħarġiet kulturali. L-Għaqda torganizza diskussjonijiet dwar suġġetti ta’ interess għalihom, laqgħat ma’ Ministri dwar diversi benefiċċji li joffri l-gvern.
L-Għaqda qatt ma qagħdet lura biex tiddefendi l-interessi tal-Anzjani Maltin u Għawdxin anke jekk tkun waħedha. Dan il-fatt qatt ma qata’ qalb l-Għaqda milli tkompli tkun l-għajnuna ewlenija u d-difensur tal-anzjani.
Tony Zarb huwa s-Segretarju tal-Għaqda. Huwa għandu aktar minn 42 sena ta’ esperjenza fil-qasam trejdunjonistiku. Tony ħadem f’diversi karigi differenti ġewwa l-GWU minn membru tal-kumitat għal Shop Steward għall-ħaddiema tal-Blue Bell. Tony kien delegat kif ukoll membru tal-eżekuttiv fit-Taqsima tat-Tessuti. Għal dawn l-aħħar 38 sena Zarb kien ukoll membru fil-Kunsill Nazzjonali. Fl-1985 ġie impjegat full time mal-Union bħala rappreżentant u sentejn wara ġie maħtur Segretarju tat-Taqsima Port u Transport. Fl-1997 ġie elett Deputat Segretarju Ġenerali. Sentejn biss wara ġie appuntant Segretarju Ġenerali fejn okkupa din il-pożizzjoni għal 16-il sena. Illum Tony huwa s-Segretarju tal-GWU – Għaqda Pensjonanti.
L-Għaqda Pensjonanti twaqqfet fis-sena 1987 u minn dakinhar ma ħarset lura qatt. Intant l-Għaqda Pensjonanti għadha sal-lum l-akbar Għaqda tal-pensjonanti f’Malta. L-irwol tagħha huwa biex tkun il-leħen tal-Anzjani. Mhux biss dawk li huma membri tal-GWU imma anke fuq livell nazzjonali u Ewropew.