It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-General Workers’ Union li tirrappreżenta lid-District Managers, Store Managers, Assistant Store Managers, Warehouse Managers u Store Assistant Managers tal-Lidl (Malta) bħalissa tinsab għaddeja b’tilwima industrijali ma’ din il-kumpanija. Dan minħabba li l-ħaddiema tagħha mhux jingħataw trattament ġust meta jkollhom każ ta’ dixxiplina.
Il-GWU qed tinsisti li fil-Ftehim Kollettiv ġdid tiġi introdotta proċedura ta’ dixxiplina li tkun aktar ġusta u li ssegwi l-istess struttura ta’ Tribunal Industrijali. Dan il-ftehim issa ilu jiġi nnegozjat għal dawn l-aħħar sena u nofs minħabba nuqqas ta’ qbil fuq diversi kwistjonijiet.
Minn meta bdew it-taħdidiet sal-lum, il-GWU dejjem baqgħet tinsisti li għandu jkun hemm bidla radikali fil-proċedura dixxiplinarja l-aktar meta għandha provi ċari li l-ħaddiema ma ngħatawx trattament ġust fuq każ ta’ dixxiplina. Waqt laqgħa li saret bejn iż-żewġ partijiet fil-preżenza tal-avukati taż-żewġ naħat, ġie ssuġġeriet mill-istess management biex issir votazzjoni mill-membri. Dan biex jiġi deċiż jekk dawn iridux li jibqgħu bil-proċedura preżenti tal-kumpanija jew jaċċettawx li tinbidel skont kif propost mill-GWU. Għalhekk fil-ġranet li għaddew ittieħed vot li rriżulta li kien hemm qbil unanimu li l-proċedura ta’ dixxiplina għandha tinbidel għal waħda aktar ġusta u xierqa.
Lura f’Awwissu l-GWU kienet iddikjarat tilwima industrijali fejn iż-żewġ naħat iltaqgħu quddiem id-Direttur Ġenerali tad-DIER għal laqgħa ta’ konċiljazzjoni. Il-kumpanija kienet ingħatat parir li l-Bord ta’ Dixxiplina jkun kompost minn rappreżentant tal-kumpanija, minn rappreżentant tal-GWU u chairperson newtrali maqbul bejn iż-żewġ naħat.
Għal dan il-għan, il-GWU se tibqa’ tinsisti li l-proċedura tinbidel għal waħda aktar xierqa biex hekk il-ħaddiem jingħata proċess xieraq u ġust.