Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u t-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-General Workers’ Union. Ftehim Kollettiv li se jara titjieb fil-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema u l-iskali, kif ukoll l-introduzzjoni tal-ħinijiet flessibbli fost oħrajn.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin filwaqt li rringrazzja lil kulħadd għall-ħidma li saret biex isir dan it-tielet negozjar li se jagħti l-frott tiegħu f’din l-entità li dejjem qed tikber semma’ kif dan il-Ftehim Kollettiv qed jirrifletti l-proċeduri kollha li qegħdin isiru sabiex din l-entità tattira n-nies u żżommhom filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-ambjent żagħżugħ fost l-uffiċjali governattivi.
“Dan huwa Ftehim Kollettiv għal entità b’ħaddiema li għandhom xogħol speċifiku li tajjeb li jiġu rikonoxxuti għalih b’tisħiħ fil-pagi u tisħiħ fl-istruttura, kif ukoll flessibilità fil-ħinijiet,” tenna s-Sur Bondin.
Il-Kap Eżekuttiv tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali Kurt Farrugia kompla jisħaq li minbarra ż-żidiet fil-pakkett finanzjarju, hekk kif qegħdin jagħrfu l-bżonn li jkun hemm bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja personali raw li l-introduzzjoni ta’ flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol kienet ta’ importanza.
“Għarafna wkoll il-bżonn li jkun hemm progress fil-karriera tal-impjegati billi jiddaħħlu skali ġodda tal-impjiegi kif ukoll miżuri għal immaniġġjar u titjieb fl-operat tal-entità.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li qed jorbot din l-okkażjoni proprju ma’ Jum il-Ħaddiem li se jiġi mfakkar ftit ġranet oħra, hekk kif dan huwa frott u suċċess tal-ħidma tal-impjegati.
“Meta jiġi ffirmat Ftehim Kollettiv ikun ifisser suċċess li ż-żewġ naħat saru ħaġa waħda. Aħna obbligati li nħallu Malta aħjar milli sibniha. Mela tajjeb li noffru futur lill-ħaddiema tagħna u napprezzaw l-ispeċjalizzazzjonijiet tagħhom li qed jaħdmu bis-sħiħ biex iħallu l-kultura u l-arti ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal is-Sur Bugeja.
Fost ir-ringrazzjamenti semma’ proprju lix-shop stewards li saħaq li dawn jagħmlu xogħol volontarju għax jemmnu fil-missjoni tagħhom bħala ħaddiema u fil-missjoni li jaraw lill-ħaddiem miexi ‘l quddiem.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici semma’ kemm ix-xogħol li sar fl-aħħar snin fejn tidħol is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali huwa kbir, hekk kif qed naraw Sovrintendenza li qiegħda taħdem tajjeb ħafna, mixja passi tajbin filwaqt li inforza u tirregola b’bilanċ.
Żied jgħid li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għandha rwol delikat hekk kif hija Regolatur f’pajjiż Mediterranju minbarra li tirregola l-bini u l-iżvilupp u dak kollu mitlub fejn għandu x’jaqsam il-wirt storiku u l-ħarsien tiegħu.
“Filwaqt li hija sfida kbira aħna wkoll ixxurtjati li għandna dan il-wirt storiku kollu. Illum qegħdin nagħmlu pass ieħor biex inkomplu nivvalorizzaw lill-ħaddiema tas-Sovrintendenza. Entità li qiegħda dejjem tattira nies ġodda li qed ikomplu jitħarrġu frott ix-xogħol tajjeb li twettaq din l-entità bl-għajnuna tal-GWU li dejjem kienet ta’ spalla,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.