Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, aktar kmieni llum żar il-Workers’ Memorial Building fejn kellu l-opportunità wkoll li jiltaqa’ mal-ġurnalisti tal-kamra tal-aħbarijiet tal-Union Print. Huwa kien milqugħ mill-President tal-GWU Victor Carachi, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-Kap Eżekuttiv tal-Union Print Omar Vella.
Fil-laqgħa li kellu mal-ġurnalisti, ġew diskussi l-isfidi li qed tiltaqa’ magħhom il-professjoni tal-ġurnaliżmu. Dwar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li hemm bżonn ta’ aktar diskussjoni biex tiġi msaħħa din il-professjoni li hija r-raba’ pilastru tad-demokrazija f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Union Print enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm talent ġdid fil-kmamar tal-aħbarijiet. Dan minħabba li l-professjoni tal-ġurnaliżmu mhix xi ħaġa li tinkiseb mil-lejl għan-nhar imma tinħtieġ taħriġ kontinwu u dedikazzjoni.
Huwa kompla billi enfasizza l-ispejjeż kbar li qed jaffaċċjaw il-ġurnali lokali, l-aktar minħabba l-prezz tal-karta li qiegħed dejjem jogħla. Aċċenna wkoll li din hija sfida li, irrispettivament minn kull kulur politiku jew kamra tal-aħbarijiet, għandha tkun indirizzata b’mod ħolistiku kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni stess.