
L-impjegati ta’ Heritage Malta se jgawdu l-benefiċċji ta’ ftehim kollettiv ġdid li ġie ffirmat illum u li jipprovdi għal titjib sinifikanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol filwaqt li jinvesti fil-benesseri tagħhom. Dan it-titjib ikopri l-pakketti finanzjarji, il-miżuri għall-bilanċ bejn il-ħajja personali u x-xogħol, u l-programmi ta’ taħriġ għall-iżvilupp personali tal-ħaddiema.
F’kumment wara l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-ftehim huwa xhieda ċara tal-impenn tal-Gvern lejn il-ħaddiema u lejn is-settur kulturali ta’ pajjiżna. Huwa sostna li l-ħaddiema ta’ Heritage Malta għandhom rwol kruċjali fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt storiku u kulturali Malti, u għalhekk jistħoqqilhom kundizzjonijiet moderni, ġusti u li jirriflettu l-valur tax-xogħol tagħhom.
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar saħaq li dan il-ftehim huwa xhieda ċara tal-impenn sħiħ ta’ Heritage Malta lejn il-ħaddiema tagħha. “Bit-tisħiħ tal-pakkett finanzjarju, it-titjib fil-flessibbiltà, u l-investiment fl-iżvilupp professjonali tal-impjegati, qed niżguraw li Heritage Malta tibqa’ aġenzija soda li tħares dejjem ’il quddiem. Fuq il-ħaddiema tistrieħ il-missjoni tagħna, u dan il-ftehim jagħti ġieħ lid-dedikazzjoni tagħhom,” qal is-Sur Cutajar.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit irrimarka li, “L-akbar saħħa ta’ Heritage Malta minn dejjem ġiet mill-ħaddiema tagħha. Dan il-ftehim kollettiv ġdid huwa investiment ċar fil-benesseri, fl-iżvilupp u fil-futur tagħhom. Daħħalna titjib sinifikanti għax l-impjegati tagħna jistħoqqilhom kundizzjonijiet li jirriflettu l-valur tax-xogħol li jagħmlu kuljum. Dan il-ftehim mhuwiex biss pass amministrattiv; huwa impenn lejn id-dinjità, il-ġustizzja u l-progress. Meta nsaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tagħna, inkunu qed insaħħu wkoll il-missjoni kulturali li ġiet fdata lilna. Flimkien qed nibnu aġenzija aktar reżiljenti, motivata u lesta għall-ġejjieni.”
Il-ftehim, li jkopri l-perjodu minn Jannar 2026 sa Diċembru 2030, jipprovdi għal żieda medja ta’ 6.5% fil-paga bażika għall-gradi kollha, flimkien ma’ qafas imsaħħaħ ta’ allowances u benefiċċji. Il-miżuri finanzjarji ġodda jinkludu allowance ta’ Heritage Malta għall-gradi kollha, performance bonus għal ċerti gradi marbut ma’ Key Performance Indicators annwali, u disturbance allowance għall-impjegati fil-Grad A+.
It-titjib fl-allowances eżistenti jinkludi żidiet fil-performance bonuses, allowance għall-kwalifika li tingħata awtomatikament lill-impjegati li għandhom livell ta’ edukazzjoni MQF 7 jew ogħla, allowances imtejba għax-xiftijiet, kundizzjonijiet aħjar għal stand-by, u allowance għall-proġetti li issa hu estiż għall-gradi kollha.
Il-ftehim jintroduċi wkoll miżuri ġodda li jsaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. L-impjegati issa jistgħu jibbenefikaw minn ħinijiet ta’ xogħol flessibbli bħal flexi-week ta’ erbat ijiem jew sitt ijiem, sistema ta’ xift ta’ jumejn xogħol u jumejn le, u struttura ġdida ta’ xift li tippermetti waqfa ta’ kwarta biex il-ġurnata tax-xogħol tintemm aktar kmieni. Il-ħinijiet flessibbli ġew estiżi, biex jippermettu lill-impjegati jibdew jew jispiċċaw ix-xogħol sa massimu ta’ sagħtejn qabel jew wara. Ix-xogħol remot se jibqa’ jkun imħeġġeġ fejn l-operat jippermetti, filwaqt li l-eliġibbiltà għall-ħinijiet imnaqqsa ġiet estiża wkoll.
Titjib ieħor jinkludi żieda fil-bereavement leave u impenn imsaħħaħ lejn l-iżvilupp professjonali permezz ta’ programmi ta’ taħriġ estiżi, sponsorships u appoġġ għal inizjattivi ta’ CPD (Continuing Professional Development).
Il-ftehim ġie ffirmat minn Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta; Rachel Caruana, Manager Anzjana għar-Riżorsi Umani ta’ Heritage Malta; Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-General Workers’ Union (GWU); u James Licari u Curtis Callus, rispettivament Shop Steward u Assistant Shop Steward tal-GWU f’Heritage Malta. Preżenti għall-iffirmar kien hemm Owen Bonnici, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali; Kevin Mahoney, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali; u Mario Grixti, id-Deputat Kap tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet Industrijali fil-People and Standards Division fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.












